Bl-ingliż ngħidu ‘Actions speak louder than words’ u r-risposta li Ġesù ta lil Ġwanni kienet eżattament din. Ġwanni, minkejja li kien dak li pprepara t-triq għall-Mulej u ressaq persuni biex jitgħammdu u jitħejjew għall-wasla tal-Messija, qisu kien għadu ma fhemx eżatt x’tip ta’ Messija Ġesù kellu jkun. Il-ħajja li Ġesù kien qiegħed jgħix u l-mod ta’ kif kien qiegħed iwassal t-tagħlim tiegħu kien qisu għadu ma ħalliex il-marka neċessarja biex wieħed ikun ċert minn dak li hu Ġesù. Il-Lhud kienu qed jistennew Messija li jbidlilhom ħajjithom kompletament: mexxej li jeħlishom minn ħakma barranija, li jqawwi l-qima fit-tempju, li jwasslilhom mod ġdid ta’ kif jgħixu. Pero kif qatt jista’ wieħed ikun jaf eżattament din il-bidla, li tant ilu jistenna, waslitx jew le? Din kienet il-mistoqsija ta’ Ġwanni, li xtaq li jara s-Saltna ta’ Alla fuq l-art. Fl-Evanġelju skont San Luqa (Lq 17, 21) naraw lil Ġesu jgħid li ħadd mhu se jindika li s-Saltna ta’ Alla qiegħda hawn jew hemm għax is-Saltna ġa qiegħda fostna. L-azzjonijiet li Ġesù jsemmi li qegħdin iseħħu, referenza ċara għal dak li juri Isaija (Is 35,5-6) bħala sinjal tal-wassla tal-Messija, huma l-prova ta’ min hu Ġesu. Il-mirakli li Ġesù jagħmel jixhdu għalih. Kristu jpoġġi f’azzjoni l-kliem tiegħu u juri l-bidla li jista jagħmel f’ħajjet il-poplu, u allura f’ħajjitna. Ġesù jaf li mhux faċli għalina biex nifhmu l-kliem u l-azzjonijiet tiegħu, għalhekk jagħmlilna kuraġġ biex nafdaw u nemmnu fih.
Ġesù jfaħħar lil Ġwanni għal din il-mistoqsija tiegħu; għal din it-tfittxija għal verità. Ġesù jippreżenta l-kobor ta’ Ġwanni; mhux kobor li naraw fl-istilel tad-divertiment jew tal-kummerċ, iżda kobor li joħroġ minn persuna li qed tfittex li tikber f’relazzjoni ma’ Alla u taħdem biex twassal dan lill-oħrajn. U minkejja dan kollu “l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet” huwa akbar minn Ġwanni. Dawk li jaċċettaw is-Saltna li Ġesù waqqaf huma ikbar minn Ġwanni li ġie jħejji t-triq biex din is-Saltna titwaqqaf.
Kif nistgħu napplikaw dan il-messaġġ għalina? L-avvent, fejn fih nistennew u nippreparaw ruħna għat-tieni miġja ta’ Ġesù, jistedinna nibqgħu dejjem infittxu dak li hu tajjeb u veru f’kull mument ta’ ħajjitna. Diversi drabi aħna jiġuna d-dubji dwar x’deċiżjonijiet għandna nieħdu f’ħajjitna u dwar dak li jrid minna Alla. F’dawn il-mumenti għandna nibqgħu nafdaw f’Alla u nħarsu lejn dak li hu għamel f’ħajjitna: il-kapaċitajiet li tana, n-nies ta’ madwarna, u l-esperjenza li għexna. Meta naraw it-tajjeb f’dak li għexna nkunu qed naċċettaw lil Alla f’ħajjitna, u għalhekk inkunu iktar miftuħin biex nilqgħu u nikbru fis-Saltna tas-Smewwiet.
***
Mt 11: 2-11
Ġwanni, li kien fil-ħabs sama’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar ill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ. Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub,
‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar
tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.
Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista.