It-Tieni Ħadd tal-Avvent

Mattia Preti - San Giovanni Battista Predicazione

Kulħadd Iħejji… – Mt 3: 1-12

“Il-festi t-tajba lil kulħadd!” Hekk għadni kemm smajt lill-preżentatur tar-radju jgħid lis-semmiegħa. Bejni u bejn ruħi għidt: ‘Jien qed nisma’ sew? Għadna kemm bdejna Diċembru!’ Dan l-aħħar ukoll, jiena u nsuq bil-lejl, skantajt inħares lejn ir-roundabouts u t-toroq, l-armaturi tal-ħwienet u t-twieqi tad-djar…kullimkien mixgħul, kullimkien imżejjen għall-Milied, diġa! Il-ġimgħa l-oħra d-dinja tal-kummerċ stednitna biex nipparteċipaw f’dik li ssejħet ‘Black Friday’ – ġurnata fejn suppost kien hawn ħafna u ħafna sales. Fi kliem ieħor, kienet sejħa għalina l-konsumaturi biex nippreparaw għaż-żmien tal-festi, billi nibdew nixtru, u nibdew nonfqu! Madwarna, kollox jippreparana għal dan l-istaġun festiv!

Kos hux, donnu fl-ambjent ta’ madwarna tidwi l-għajta u l-karba ta’ Ġwanni l-Battista – dak li Isaija sejjaħlu, ‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert’ – “Ħejju t-triq!” Kulħadd qed jaħtfu fil-kelma lill-Battista, kulħadd qed jobdieh, kulħadd qed iħejji!

Imma stenna ftit… tħejji għal xiex? Il-leħen jgħajjat fid-deżert jispeċifika liema triq: “Ħejju t-triq tal-Mulej!”Qed jiġi f’moħħi slogan li darba kont irċevejtu f’kartolina: Jesus is the reason for the season! Tgħid dawn it-tħejjijiet u l-preparazzjonijiet li għaddejjin bihom huma għall-għan proprju ta’ dan l-istaġun?

Lill-Fariżej, lis-Sadduċej u lilna wkoll flimkien magħhom, Ġwanni jurina kif għandna nħejju t-triq tal-Mulej f’dan iż-żmien: “Agħmlu frott xieraq tal-indiema”. Int li qed taqra… aħseb ftit: Int kif se tħejji t-triq tal-Mulej? Xi frott xieraq tista’ toffri biex tħejji din it-triq?

Forsi tista’ tħejji t-triq billi ssewwi xi relazzjoni li kienet ixxaqqet? Forsi tista’ titlob maħfra lil xi ħadd li weġġajtu b’xi ġest jew xi kelma żejda?

Forsi tista’ tħejji t-triq billi tmur iżżur lil xi ħadd anzjan li jgħaddi ħafna ħin waħdu? Imqar kemm tieqaf tkellem lil xi ħadd mill-ġirien tiegħek li soltu qatt m’għandek ħin għalih, u minn quddiemu dejjem tgħaddi bil-għaġġla u b’rasek baxxuta…

Forsi tista’ tħejji t-triq billi tagħmel telefonata – jew imqar tibgħat sms – lil xi ħadd li taf li kien għaddej minn mument diffiċli dan l-aħħar?

Forsi tista’ tħejji t-triq billi tqatta’ iżjed ħin ta’ kwalità mal-familja tiegħek? Forsi tista’ tagħmilha premura li jkollok ħin fejn l-ebda mobile, l-ebda computer, l-ebda tablet u l-ebda television ma jidħol bejnek u bejn il-familja tiegħek?

Forsi tista’ tħejji t-triq billi ssib imqar ftit minuti kuljum biex titkellem one-to-one ma’ Dak li qed tħejji t-triq għalih?

Minn qalbi nawguralek li, bħal bqija tad-dinja ta’ madwarna, tkompli tħejji u tipprepara bis-sħiħ għall-Milied… imma tinsiex, żomm dejjem f’moħħok ir-raġuni vera li għaliha qed tħejji!

***

Mt 3: 1-12

F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet’.Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

                          ‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

                           Ħejju t-triq tal-Mulej,

                           iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’

Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.

Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq ta’ l-indiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma   għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.”