Silence, ktieb ta’ Shusako Endo u issa film ta’ Martin Scorsese, huwa l-istorja ta’ żewġ qassisin żgħażagħ Ġiżwiti li jmorru l-Ġappun bħala missjunarji u wkoll biex ifittxu qassis li kellu sehem kbir fil-formazzjoni tagħhom u li kien ilu żmien twil fejn kienu jaħsbu li kienet l-aħħar tad-dinja.
L-insara Ġappuniżi huma raħħala fqar ħafna u sempliċi, bil-fehma komuni li jitwieldu bħall-annimali biex imutu bħall-annimali. Wieħed b’għajn waħda, ieħor ġifa. L-attività missjunarja tal-knisja hi mqabbla mill-Ġappuniżi stess mal-insistenza ta’ mara kerha u xiħa li turi mħabbitha għal raġel sinjur.
Mhux hekk biss. F’waħda mill-ittri tiegħu, wieħed mill-qassisin żgħażagħ jikteb li l-qassisin huma grupp ta’ rġiel imdejqin, u mhawn l-ebda bniedem miżerabbli aktar minn qassis li ma jagħmilx dmiru.
Id-dmir iżomm lil dan il-qassis għaddej, iżda għal kważi matul l-istorja kollha bħal donnu jinsa’ li Alla juri lilu nnifsu l-aktar fid-dgħufija tal-bniedem. Waqt li nippretendu li ħarsitna hi dejjem fuq Kristu, huwa l-każ li naraw lil Kristu fid-dgħufija tagħna?
Id-dmir iċedi għall-imħabba għax l-imħabba ma kenitx id-dmir; minflok imħabba seta’ kien hemm kburija. Forsi għalhekk id-disperazzjoni. Forsi għalhekk il-qtigħ il-qalb. Forsi aħna, kull wieħed u waħda minna, kbar wisq biex inkunu Ġuda jew Pietru, u forsi Kristu hu żgħir wisq biex ikun aħna.
Ħafna drabi jista’ jagħti l-każ li naraw lilna nfusna twajbin u tajbin wisq biex inkunu Ġuda jew Pietru, allura dejjem inqabblu lilna nfusna ma’ Kristu. Min-naħa l-oħra, Kristu tant jagħmel affarijiet ‘baxxi’ li mhux lesti ‘naqgħu’ daqshekk.
Forsi nfittxu ’l Alla, u baħħ, imma f’dak il-baħħ stess Alla jista’ jkun qed jitkellem, permezz tagħna.