L-Epifanija

Tfittex biex tkompli tfittex – Mt 2:1-12

“Ħieni min żaqqu mimlija”? Jew “Ħieni min hu bil-ġuħ…”? “Ħenjin is-sinjuri” jew “il-foqra” u “dawk li bħalissa jibku”? Mal-ewwel daqqa t’għajn naħsbu li r-risposta hija faċli: jekk ikollok il-but mimli, ikollok aktar rasek mistrieħa u aktar ferħ. Jekk taf kollox, għandek aktar kontroll u tkun aħjar. Biss il-festa taż-żjara tal-Maġi iġġiegħlna nsaqsu jekk ir-risposta hijiex daqshekk sempliċi. B’xi mod tfakkarna f’Adam u Eva. Riedu jieklu mis-siġra li tagħtihom l-għerf li jimlihom u jneħħilhom il-bżonn ta’ Alla. Min-naħa l-oħra, il-Maġi, nies ta’ għerf, baqgħu ifittxu l-għerf li jiġi minn Alla. Ir-riżultat f’Adam u Eva kien li kellhom jinħbew, waħedhom, b’diżappunt kbir fuq il-qerq tal-ħolma u bi kwalità ta’ ħajja ħafna anqas milli kellhom. Il-Maġi jiskopru lil Alla li ċċekken u li s-sigriet mhux meta taħkem u tkun mimli iżda meta tkun umli, tibqa’ titgħallem u tibqa’ miftuħ għal min hu ċkejken.

B’xi mod, lil Adam u Eva li jinħbew narawhom ukoll f’Erodi u Ġerusalemm kollha miegħu. Lil Erodi insibuh magħluq fil-biża għax irid iżomm il-kontroll sħiħ f’idejh. Jikkonsultaw il-kotba tal-għerf iżda ma jsirux għorrief għax mhux lesti għal risposti li jġiegħluhom jiċċaqilqu mis-sigurtà falza tagħhom. Oħrajn jinħbew wara l-ġid. Bħar-raġel tal-parabbola li kellu ħafna ġid, kabbar l-imħażen u l-postijiet fejn jista’ jaħbi l-ġid bla ma jagħti kontribut lis-soċjetà, u qal lilu nnifsu “Issa tista’ tiekol, titpaxxa u tgawdi”. Sakemm jiġi l-leħen ċkejken li jiftaħlu għajnejh: “Titteħidlek ħajtek u l-ġid ta’ min se jkun? Qed tgħix ħajja bla sens, bużżieqa tas-sapun! Ibda fittex”.

– Ħieni min ifittex bħall-Maġi li mhux mimlija bihom infushom jew bl-għerf li diġà kellhom iżda umli biex jirċievu lil Alla li sar bniedem.

– Ħieni min ifittex b’ħerqa vera għax jaf li l-ħajja akbar milli fehem s’issa.

– Ħieni min kapaċi jibqa’ jistagħġeb quddiem kull żvilupp ċkejken tat-tajjeb.

– Ħieni min ifittex li jnaqqas mill-ġid, li jinħeles mill-kmandamenti tal-moda, għax jibda jiskopri dak li tassew jiswa fil-ħajja.

– Ħieni min kapaċi jisma’ sa l-aħħar lil dawk ta’ madwaru bla ma jiġġudika, anzi jisma’ b’attenzjoni u kompasssjoni għax inissel fihom serenità u fiducja.

– Ħieni min ifittex lil Ġesù mhux biex isib ċertezzi li jneħħu kull skumdità iżda biex jibda jfittex triqat oħra li jagħmlu d-dinja iżjed ġusta u umana.

– Ħieni min isib li Ġesù u jibda jfittex mhux kompromessi ma’ min imwaħħal mal-poter iżda jfittex impenn mal-fqar u jitgħallem minnhom.

– Ħieni min iwessa’ qalbu biex joħroġ  jiltaqa’ ma’ nies differenti minnu għax jiskopri teżori moħbija f’ħajjithom.

***

Mt 2:1-12

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.