Ir-Raba’ Ħadd ta’ Matul is-Sena

Ftit tal-ġimgħat ilu, mort f’bazaar ta’ parroċċa biex nara ftit x’kotba kien hemm. Verament ħadt ħafna gost nara kotba ġodda u anke riċenti. Imma laqtuni b’mod partikulari dawk dwar l-ikel – ilkoll nieħdu gost nieklu. U f’dawn il-kotba, bħalma tafu, jkun hemm ir-riċetti ta’ kif tagħmel xi kejk tajjeb, jew xi daqqxejn ħuta/laħam li qatt qabel m’għamilt. Ir-riċetta hija importanti ħafna għax permezz tagħha ser tagħmel id-differenza fl-ikel.

Illum għandna r-riċetta tal-qdusija vera. X’inhi r-riċetta tal-qdusija? Il-profeta Sofonija jgħidilna hekk: “Fittxu lill-Mulej ilkoll, intom, l-umli tal-art, li tagħmlu l-ordnijiet tiegħu, fittxu l-ġustizzja, fittxu l-umiltà”.

Il-bniedem qaddis huwa dak li l-ewwelnett ifittex lill-Mulej – li l-uniku wiċċ li nħarsu lejh f’ħajjitna jkun il-wiċċ ta’ Ġesù. San Ġorġ Preca kien jgħid: “nipproponi li lejh biss inħares il-jiem kollha ta’ ħajti”. Lil min nikkonsulta fil-ħajja tiegħi? Inħares lejn il-wiċċ ta’ Ġesù?

Ir-relazzjoni li jiena nibni ma’ Ġesù fit-talb twassalni għar-relazzjoni vera mal-oħrajn. Jumejn ilu inzertajt video fuq Facebook, ta’ xi ħadd li kien qed jegħreq qrib dgħajsa mimlija nies. U fost dawn in-nies ta’ fuq id-dgħajsa kien hemm min qallu: “mur lura minn fejn ġejt”, “mur f’pajjiżek”. Kif nista’ ngħid li jien Nisrani, li nemmen f’Alla, jekk nibni ħajt bejni u bejn ħaddieħor li għandu bżonni? Veru li mhux faċli ngħix ta’ Nisrani, b’ħafna affarijiet li jtellfuna minn Kristu nnifsu.

Forsi jgħajruna boloh, il-fatt li nitkellmu favur il-ħajja tal-bniedem – anke jekk hi tarbija fil-ġuf jew jekk huwa immigrant li ġej minn pajjiż li jhedded lil ħajtu. San Pawl jgħidilna li “Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief … in-nies li mhuma xejn, biex iġib fix-xejn lil dawk li huma xi ħaġa.”

Għan-nies, jin iblaħ li bħala Nisrani naħfer lil min jgħamilli d-deni; li ningħaqdu bħala familja biex ngħidu t-talba ta’ qabel l-ikel flimkien. Imma f’qalbi hemm il-ferħ ġewnin li jħawwad lill-oħrajn. Il-qdusija hija din: bl-għajnuna ta’ Kristu inkun Kristu ieħor għal ħuti l-bnedmin li huma fil-bżonn.

Din ir-relazzjoni li jiena nibni ma’ Alla fit-talb, trid tidħol f’kull aspett tal-ħajja tiegħi u fir-relazzjonijiet mal-oħrajn. Din hi r-riċetta tal-qdusija vera: li nkun dak li jien, iben/bint maħbuba ta’ Alla. Għalhekk mhux aktar il-biża’ imma l-imħabba: Imħabba bla kundizzjoni, sa fuq is-salib u l-mewt u l-qawmien.

“Henjin intom” “Imbierka intom”, għax aħna wlied ta’ Alla li mistiedna nfittxuh lejl u nhar b’qalbna kollha. Ejjew inħalluh jidħol f’ħajjitna lil Alla u jibdilna, jisfidana. “La jien ta’ Apollo u la ta’ Pawlu u l-anqas tad-dinja, imma jien ta’ Kristu li għażilni għalih biex naqdih fl-oħrajn”.

“Hawn jien Mulej, ġejt nagħmel ir-rieda tiegħek.”

***

Mt 5:1-12

F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

“Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta,
għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa,
għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u bl-għatx tal-ġustizzja,
għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu,
għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom,
għax huma jaraw lil Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi,
għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu
kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet”.