Iċċekken biex jikber Kristu – Ġw 1:29-34
“Hu għalhekk li mmutu, biex inkunu ma’ Alla!” Dan il-ħsieb ta’ San Franġisk de Sales, li jfakkarna dwar il-mewt bħala dik l-esperjenza li rridu ngħaddu lkoll minnha, aħna min aħna, hu ħsieb li fid-dieher m’għandu x’jaqsam xejn mal-Evanġelju tal-lum, li jdur madwar il-figura ta’ Ġwanni l-Għammiedi jistqarr l-identità ta’ min kien fil-qrib tiegħu – il-Ħaruf t’Alla. Inqas u inqas jidher li jgħodd dan il-ħsieb tal-qaddis ta’ Sales dwar il-mewt, meta ftit jiem ilu għadna kemm ikkontemplajna l-misteru tal-Inkarnazzjoni u t-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Minkejja dan kollu, il-kliem ta’ San Franġisk de Sales hu relevanti ħafna għal dak li jrid iwasslilna Alla permezz ta’ din is-silta mill-Evanġelju. Biex Ġwanni jkun jista’ jħabbar bl-aktar mod effettiv il-wasla tal-Messija mwiegħed, Ġwanni kellu jagħmel l-esperjenza tal-‘mewt’. F’dan il-każ, mhijiex tant il-mewt fiżika, imma l-‘mewt’ li tfisser it-twarrib tal-pjanijiet ta’ Ġwanni għalih innifsu, ta’ dak kollu li kieku kien għalih kien jagħmel biex jgħix ħajja ħafna aktar komda milli għex. Ġwanni però mar kontra tiegħu nnifsu, u dan għal xejn aktar ħlief biex ikun jista’ jagħti spazju lil Alla ħalli permezz ta’ Ġwanni jkun jista’ jwettaq il-pjan divin tiegħu. Mela l-ewwel tagħlima li nistgħu nisiltu mis-silta tal-Evanġelju tal-lum hi li min ifittex li jwettaq il-pjan ta’ Alla f’ħajtu hu ma’ Alla u ma jistax ikun tellief, anke jekk iġarrab numru ta’ ‘telfiet.’ Ġwanni tilef biex rebaħ. U dak li tilef hu bla paragun ħdejn l-akbar akkwist li jista’ jagħmel kull bniedem jekk ifittex dejjem ir-rieda t’Alla: il-garanzija ta’ rebħa żgura fuq kull dubju u tfixkil.
Tagħlima oħra li wieħed jista’ jislet mill-Evanġelju hi li Ġwanni għaraf tajjeb ħafna li l-għalqa tal-Mulej hi l-għalqa tas-Sid divin, u li dan is-sid hu dak li kull ħidma fl-għalqa tiegħu hi dovuta lilu, appuntu għax Hu s-sid tagħha. Madwarna, fid-diversi oqsma tal-ħajja, ma tkunx l-ewwel darba meta nisimgħu b’min, għax jidhirlu li jaf aktar mis-sid tax-xogħol tiegħu, joħroġ pubblikament jikkritikah, mingħajr ma jagħraf iqis li jkun prudenti f’dik il-kritika, billi qabel xejn iżommha fil-konfini t-tajba. Ġwanni hu l-ħaddiem per eċċellenza li għaraf il-bżonn li biex Ġesù joħroġ fid-dieher, jeħtieġ qabel xejn jiċkien Ġwanni l-Battista nnifsu (Ġw 3:30). Ma qagħadx iqis li d-dixxipli tiegħu se jonqsu u li se tbati l-popolarità tiegħu minħabba l-miġja tal-Mulej. Imma għaraf kif, fi spirtu ta’ umiltà lejn Ġesù, kellu jagħmel il-wisa’ biex dak kollu li jfisser Ġesù jkun jista’ joħroġ fil-beraħ bl-aktar mod sħiħ.
Mela f’Ġwanni naraw epifanija oħra. F’dan il-prekursur tal-Mulej naraw attitudni li fid-dinja tal-lum tgħallimna ħafna dwar kif għandna naġixxu meta nkunu msejħa biex ħidmietna u l-enerġiji tagħna jkunu ffukati fuq it-tisħiħ ta’ dak li essenzjalment mhuwiex tagħna imma ta’ ħaddieħor. Aħna m’aħniex akbar mill-imgħallmin tagħna. Ejjew bħal Ġwanni ngħaddu mill-esperjenza tal-‘mewt’, biex dak li ma nippossedux ma nħalluhx jippossedina, u biex inkunu dejjem aktar miftuħa għal Alla, dak li jixtieq jirbaħna, għax ir-rebħa tiegħu fuq il-mewt – li ż-żerriegħa tagħha dehret fl-Inkarnazzjoni – hi rebħa għalina li tqawwilna l-qalb, aħna u naqdu lill-Mulej, is-Sid tagħna.
***
Ġw 1:29-34
F’dak iż-żmien, Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom: “Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli”. Anqas jien stess ma kont nafu, imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael”.
U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: “Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu”. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla”.