Meta kont iżgħar missieri kien jieħu pjaċir jeħodni miegħu għall-kaċċa. Niftakarni nqumu kmieni fis-satra tal-lejl għal xi l-erbgħa ta’ filgħodu, nilbsu lbies sħun tax-xitwa malajr malajr, ngħabbu l-kelba tal-kaċċa fil-vann flimkien mal-iskrataċ, is-senter u xi ħaġa tajba li tkun ippreparatilna ommi, u nerħulha fid-dlam lejn il-Baħrija. Wara mixja iebsa għat-telgħa qalb ir-raba’ konna nintasbu fid-dura, jien, missieri u l-kelba Linda (magħha llum żdiedu bintha Ġanna u Tina li hi bint Ġanna).
.
Fid-dura trid ħafna paċenzja. Tissemma’ sewwa xi tħaxwixa ‘l hawn u xi ħoss stramb ‘l hemm. Imma l-aktar li trid tagħmel hu tistenna. Linda, li kellha, u għad għandha n-namra daqs missieri, spiss kienet tingħi għax tkun trid taqbad xi għasfur. Biss malajr kien jgħaddilha meta missieri jispara fuq xi gamiema malli jibda jbexbex. Bil-kemm tkun laħqet misset mal-art li ma kinitx tidħol fl-eħrex xewk biex iġġib dik il-gamiema lil missieri.
.
Malli kien jgħaddi ftit tal-ħin, missieri kien jaqbad is-senter u l-barżakka tal-kaċċa u nerħulha lejn ix-xagħri biex naqbdu tjur li jistaħbew fil-baxx bħas-summien u l-gallini. Hawnhekk, in-namra ta’ Linda l-kelba tal-kaċċa tagħna kienet tispikka b’mod partikolari. Ħallieha xxammem kull ħaxixa u kull xitla li jkun hemm fix-xagħri. Għal sinjal minn missieri kienet tkun pronta tmur naħa; sinjal ieħor u tmur naħa oħra – kooperazzjoni perfetta. U meta kienet tiġiha x-xamma ta’ xi tajra kienet tara x’tagħmel biex taħtafha. U hekk kif tinduna t-tajra, dik kienet dlonk ittir. Missieri kien jiċċumbaha, jisparalha u l-kelba, ferħana, dlonk kienet iġġiblu t-tajra f’idu.
.
Jgħidu li bin is-sengħa għandu nofsha. Fil-kas tiegħi din l-idjoma ma ħadmitx tant għax ma ħriġtx kaċċatur bħal missieri. Biss, dawk id-drabi li mort għal kaċċa għallmuni ħafna kif insir qassis. Tistaqsini: “x’għandha x’taqsam l-kaċċa mas-saċerdozju?”
.
Alla hu l-kaċċatur. Bil-lejl u bi nhar jħuf u jiġri jikkaċċja t-tjur li huma aħna. Ħsiebu biss f’li jagħmilna tiegħu. Għalina jmur kullimkien u ma jieqafx sakemm isibna. Kaċċatur ma jagħmel xejn mingħajr il-kelb tal-kaċċa li għalija, ftit xhur qabel l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħi, jgħallimni ħafna kif inkun qassis.
.

  • Il-kelb tal-kaċċa jgħallimni li bħalma hu ma jiswa xejn jekk ma jkollux in-namra ta’ sidu, is-saċerdot ma jkun jiswa għal xejn jekk ma jkollux in-namra ta’ Sidu; jekk ma jkollux għall-qalbu l-kaċċa għall-qlub tal-bnedmin.
  • It-tieni, il-kelb tal-kaċċa jgħallimni li l-kaċċa jagħmilha l-kaċċatur; is-senter f’idejh ikun. Naħdem kemm naħdem qalb in-nies, hu biss Alla li kapaċi jdawwar il-bniedem għal warajh. Li nista’ nagħmel jien hu li ngħin lil Alla jersaq aktar viċin il-bniedem u l-bniedem lejn Alla.
  • It-tielet, il-kelb tal-kaċċa jgħallimni l-paċenzja. Jekk hu Alla li qed jikkaċċja u jien għajnuna għalih, xi kultant jiġri li jkolli noqgħod fid-dura nistenna l-kaċċa ġejja. Ningħi kemm ningħi il-kaċċa ma tiddependix minni. Hu Alla li qed jikkaċċja.
  • Ir-raba’, il-kelb tal-kaċċa jgħallimni nobdi. Taħrika ta’ id il-kaċċatur tibagħtu fejn iridu. Bħalu, bħala saċerdot, jeħtieġ nobdi l-Kaċċatur li qed jinqeda bija biex ngħinu jersaq aktar lejn il-bnedmin.
  • Il-ħames, il-kaċċatur mhu xejn mingħajr il-kelb tal-kaċċa. Il-kelb tal-kaċċa jaf ikun inkapaċi, diżubbidjenti, ma jismax, eċċ … imma l-kaċċatur bih ikollu jinqeda. Kemm jafdani Alla li kapaċi jgħaddi mingħajri imma jagħmilha ta’ wieħed li mingħajri ma jgħaddix!
Comments