Xi ħadd minn sħabi fakkarni li diġà għaddew 100 ġurnata minn meta ġejt ordnat djaknu. Għalkemm min jafni, jaf li dilettant tad-dati u l-anniversarji, imma jkolli nammetti li dan l-anniversarju qabiżli! 100 ġurnata – jew ftit aktar minn tliet xhur – mhuwiex żmien twil. Imma naħseb huwa żmien tajjeb biex nieqaf ftit, inħares lura lejn dawn il-ġranet li nħoss li għaddew malajr ħafna, u naqsam magħkom kif għexthom bħala Djaknu novell.
Bħala djaknu, għadni ngħix fis-Seminarju. U għalhekk parti importanti mid-Djakonat hija l-ħajja tas-Seminarju: il-formazzjoni u l-ħajja tal-komunità bir-responsabbiltajiet kollha li ġġib magħha. Bħala djaknu, għadni wkoll student fl-Università u għalhekk ma jonqosx l-istudju! Imma bħala djaknu, għandi wkoll iċ-ċans li nduq ftit il-ħajja pastorali tas-saċerdot. U dan qed nagħmlu fil-Parroċċa ta’ Stella Maris, f’Tas-Sliema fejn immur xi darbtejn jew tlieta matul il-ġimgħa, u fil-Weekend. Nammetti li l-ħajja fil-Parroċċa togħġobni ħafna: ħajja mimlija attività, kuntatt ma’ ħafna nies u opportunitajiet diversi li jfakkruni li l-ewwel dmir tiegħi bħala djaknu hu li nkun ‘qaddej’ ta’ kulħadd bħalma kien Ġesù Kristu.
Waħda mill-biżgħat li kelli qabel l-ordinazzjoni kienet kif se nitla’ fuq l-ambone u nagħmel dik l-imbierka Omelija! Illum kważi saret l-iżjed ħaġa għal qalbi. Nieħu pjaċir naqra’ l-kelma ta’ Alla, nirrifletti fuqha, naqra xi kummentarji fuq it-test Bibbliku imbagħad nikteb il-ħsbijiet tiegħi, u l-Ħadd naqsamhom ma’ ħaddieħor waqt il-quddiesa. Għalija, l-omelija tagħtini ċ-ċans insir midħla ħafna aktar tal-Kelma ta’ Alla u minnha, nieħu xi spunti li jistgħu jgħinu lili u lill-oħrajn.
Il-Parroċċa tlaqqagħni ma’ ħafna nies. F’mitt ġurnata, ma ngħoddx kemm il-konoxxenza ġdida għamilt! F’kull persuna li niltaqa’ magħha, nilmaħ xewqa ġenwina li ssir taf aktar min hu Alla. Dawn il-mitt ġurnata kienu mimlija emozzjonijiet li ma nistax ninsa malajr: il-ferħ li nħoss meta tant nies jilqgħuni fit-tberik; is-swied ta’ qalb li nħoss meta nidħol għand familji bi problemi; id-dmugħ li jkun irid jaqbeż minn għajnejja meta nakkumpanja lil dawk li jkunu tilfu ‘l xi ħadd għażiż għalihom u magħhom, immur iċ-Ċimiterju għad-difna; l-entużjażmu taż-żewġ koppji li żewwiġt f’dawn it-tliet xhur; il-ferħ li ħassejt meta għammidt l-ewwel darba: tarbija ta’ koppja Taljana, eżemplari u kuntenti fiż-żwieġ tagħhom. Emozzjonijiet kbar li mhux ser ninsa malajr!
Veru li mitt ġurnata mhumiex ħafna; però wara mitt ġurnata bħala djaknu, inħoss li Alla diġà laqqagħni ma’ ħafna realtajiet sbieħ li meta nħares lura lejhom, iħallu fija sens kbir ta’ gratitudni lil Alla li għażilni biex naqdih: u dan nixtieq nagħmlu b’fedeltà sat-tmiem.