Is-Sitt Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Fid-diskors tal-Muntanja Ġesu’ jasal f’mument fejn jidħol aktar fil-fond fil-mod kif huwa jħares lejn il-liġi. Għal-Lhud, b’mod speċjali il-Fariżej u l-Kittieba, l-osservanza u l-ħarsien tal-Liġi mgħoddija lilhom minn Mose’ kienet ħaġa meqjusa qaddisa u indispensabbli fil-ħajja reliġjuża tagħhom. Jekk trid turi li inti prattikanti fil-fidi kien meħtieġ li tosserva dak li hemm preskritt fil-liġi kemm jista’ jkun b’mod rigoruż. Fid-diskors tiegħu Ġesu’ żgur li ħasad ferm lill-Kittieba u ‘l-Fariżej, aktar u aktar meta qal: “Xejn la taħsbu li jiena ġejt biex inwaqqa’ l-Liġi u l-Profeti: jien ma ġejtx biex inwaqqagħhom, imma biex inwassalhom għall-perfezzjoni.” (v. 17). Dan il-kliem ta’ Ġesu’ żgur li ma kienx konvinċenti għalihom, għax għalihom dan kien bniedem li ma kellu l-ebda rispett lejn il-ħarsien tas-Sibt, anzi kien ikasbar dan il-Jum Qaddis. Mhux darba u t-tnejn kien akkużat li hu u d-dixxipli tiegħu jiksru s-Sibt u ma josservawx il-liġijiet ta’ missirijiethom.

Minn naħa tiegħu Ġesu’ jinsisti mad-dixxipli tiegħu li: “Jekk il-ħajja ġusta tagħhom ma tkunx aħjar minn dik tal-Kittieba u l-Fariżej, ma jidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet” (v. 20). Għal Gesu’ il-milja tal-Liġi tirrikjedi ħajja aktar awtentika mibnija fuq valuri ta’ ġustizzja, ħniena u fuq kollox imħabba. Ġesu’ jispjega ruħu b’eżempji prattiċi u jagħti dimensjoni aktar wiesgħa tal-ispirtu veru u awtentiku tal-Liġi. Isemmi per eżempju il-ħames kmandament u jgħid: “ Smajtu x’intqal fl-imgħoddi, ‘La toqtolx’ … Imma jiena ngħidilkom li s-sentenza tal-ħaqq tistħoqq lil kull min jinkorla għal ħuh.” (vv. 21,22). Mela mhux biss l-omiċidju għandu jkun ikkundannat, imma wkoll wieħed jista’ jkun qiegħed jonqos kontra dan il-kmandament meta juża’ kliem li joqtol il-fama ta’ persuna, jew meta xi ħadd jaggredixxi persuna bi kliem jew imġieba vjolenti. Meta jkun hemm tnassis jew jinqalgħu qlajjiet u gideb kontra xi ħadd, jew meta ssir ħsara lil xi ħadd f’xi post ta’ xogħol b’riżultat li jitlef xi promozzjoni jekk mhux ix-xogħol stess. Tista’ persuna tkun iżolata u ma titħalliex fil-liberta’ li tesprimi l-opinjoni tagħha.

Qatt ħsibna kemm setgħet saret ħsara bi kliem u mġieba ħażina? Qatt konna konxji kemm b’xi għażla jew aġir tagħna stajna ġgħalna lil xi ħadd isofri konsegwenzi u tbatija ta’ din ix-xorta bla bżonn?

Fuq kull liġi hemm l-imħabba. San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin jgħid: “L-imħabba ma tagħmilx dak li mhux xieraq; ma tfittix dak li hu tagħha.” (1 Kor 13,15). L-imħabba vera, ħielsa minn kull egoiżmu, trid tkun il-motivazzjoni wara kull għażla u mġieba tagħna. Kull kmandament isib il-milja tiegħu fil-kmandament ewlieni: li tħobb lil Alla b’qalbek kollha u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.

***

Mt 5:17-37

“Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. [Mt:5:19] Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.
“Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.
“Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx.’ Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu, ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu, ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar ta’ l-infern. Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-artal u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek. Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet.
“Smajtu xi ntqal, ‘La tagħmilx adulterju.’ Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ‘l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ‘l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern.
“Ntqal ukoll, ‘Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju.’ Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju.
“Smajtu wkoll x’intqal lin-nies ta’ dari, ‘Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu.’ Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom, ‘Iva, iva’, ‘Le, le’; kull ma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin.