It-Tmien Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Ftit ilu għanda kemm iċċelebrajna San Valentinu. Il-bejjiegħa tal-fjuri u tad-deheb huma żgur l-iktar nies li ndunaw b’din il-festa, għaliex kulħadd jieħu l-opportunita’ biex jixtri rigal lill-maħbub jew maħbuba. Imma x’inhu s-sinifikat wara rigal? Jiena naħseb l-iktar messaġġ li joħroġ f’rigal huwa l-imħabba li hemm bejn iż-żewġ persuni li hija frott ta’ relazzjoni bejniethom. F’rigal ħafna drabi noħorġu x-xewqa li din ir-relazzjoni titkompla u tissaħħaħ. Iżda r-relazzjoni ma tissaħħax bir-rigali imma l-iktar bil-preżenza flimkien. Din mhijiex biss mal-persuni ta’ madwarna imma anke ma’ Alla, ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla tissaħħaħ billi nfittxu mumenti fil-ħajja tagħna fejn inkunu miegħu.

Problema li lkoll kemm aħna ngħaddu minnha hija l-ħajja mgħaġġla, ħajja mimlija b’ħafna affarijiet: xogħol, studju, passatemp, familja, ħbieb. Huma kollha affarijiet importanti u li jridu jsiru imma li qed jieħdu  dak kollu li aħna. Kontinwament moħħna irid ikun il-ħin kollu għaddej biex naħsbu f’dak li jmissna nagħmlu, kważi niġu fi stat fejn lanqas inkunu nafu ngawdu l-mument preżenti. Għalhekk kull ma jmur qed insibuha dejjem aktar diffiċli biex ninvestu parti mill-ħin tagħna biex nibnu relazzjonijiet b’saħħithom mal-membri tal-familja tagħna, mal-ħbieb, kollegi tax-xogħol. Imma wisq iktar ma’ min jeħtieġ li npoġġu bil-qiegħda u nindunaw li Hu qiegħed fina jistennina nersqu lejh, ma’ Alla.

L-evanġelju tal-lum ukoll qed ipoġġi quddiema d-domanda li bħala nsara tajjeb li nistaqsu: “Imma jiena kif narah lil Alla? Min hu Alla li jiena nemmen fih?” Il-qari kollu tal-lum irid iwassalna biex ngħarfu lil Alla bħala MĦABBA. San Ġorġ Preca kien iħobb jistaqsi lit-tfal: “X’qed jgħamel Alla bħalissa?” Ir-risposta ta’ San Ġorġ kienet tkun: “Alla bħalissa qed iħobb!” Finalment Alla hekk biss jaf, iħobb. Qed jistenna li jiena u inti nagħmlu l-istess, bejnietna bħala bnedmin iżda wkoll miegħu. Alla ma jħobbniex għax jistħoqqilna jew għax aħna aħjar minn ħaddieħor jew forsi xi ftit iktar tajbin, imma jħobbna għax Hu Missier li jaf iħobb.

Fl-evanġelju, Ġesu’ qed jitlob minnha xi ħaġa importanti ferm li ma nħallu xejn, b’mod speċjali l-affarijiet materjali ittellfuna milli nindunaw kemm Hu verament iħobbna. Ejjew f’ħajjitna l-enerġija li għandna nużawha mhux biex nqabbdu lilna nfusna mall-affarijiet materjali li għandna, iżda biex nagħrfu li jiena u inti l-ulied il-maħbuba tal-Missier. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid: “Dak li mhux etern m’hu xejn”, għalhekk ejjew f’ħajjitna ninvestu l-ħin tagħna, f’dak li hu etern, f’relazzjoni b’saħħitha ma’ Alla.

***

Mt 6:24-34

“Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien; għax jew ikun jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.
“Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja m’hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed biss? U għall-ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il- ġilji ta’ l-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna! Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, “X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata.”