Id-dinja u s-soċjetà li ngħixu fiha spiss timliena bi ħsibijiet ta’ affarijiet li kultant tara li huma bil-wisq ikbar minnek. Bil-kontra ta’ dan u tal-loġika umana, Ġesù bħala parti mill-Bxara t-Tajba qalilna “Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu.” (Mt. 6: 25a) u “min minnkom, bl-inkwiet tiegħu kollu se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed?” (Lq. 12: 25). Iżda meta tirraġuna tgħid, iċ-ċirkustanzi reliġjużi, soċjali, finanzjarji u ekonomiċi ta’ elfejn sena ilu huma ħafna differenti mis-soċjetà li qed ngħixu fiha llum, għalhekk mhux possibli li tgħix dan l-istil ta’ ħajja llum, saret iktar eżiġenti! Iżda jekk nagħtu ħarsa matul iż-żminijiet u anki sal-lum il-ġurnata naraw kif kien hemm persuni u gruppi ta’ nies li għexu u qed jgħixu dan il-valur u spiritwalità li ppropona Ġesù meta waslilna l-Kelma u ġabilna s-salvazzjoni.
Żgur li kulħadd sema’ bi Franġisku minn Assisi, żagħżugħ għani li telaq kollox u ħalla f’idejn il-providenza totali ta’ Alla. Iżda mhux biss. Franġisku ma għex dan waħdu iżda għexu ma’ komunità li tpoġġi lil Alla u lil dan l-ispirtu jmexxuha. L-ispirtu li kien immexxi minnhu kien tal-imħabba lejn kull ħaġa ħajja, il-kompassjoni lejn min hu fil-bżonn u t-telqa tal-persuna totali lil Alla, “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.” (Dewt. 6: 5).
Ftit tax-xhur ilu rajna wkoll persuna oħra li għexet fi żminijietna li ġiet iddikjarata mill-Knisja Kattolika bħala qaddisa. Santa Tereża ta’ Kalkutta jew kif nafuha aħjar Madre Tereża, għexet ukoll din l-ispiritwalità fi żminijietna. Kienu bosta fatturi li għenu lil dawn il-qaddisin u anki nies oħra li anki llum qegħdin jgħixu dan l-ispirtu tal-Evanġelju. Fosthom nistgħu nisiltu dawn il-punti li kienu u huma parti minn din l-ispiritwalità:
- L-imħabba li ġejja mil-Evanġelju stess għall-foqra u l-abbandunati u għal dawk kollha li huma għatxana għall-Imħabba;
- Il-fidi fil-Ħallieq tagħhom u lejn il-Verità li teħlishom;
- Il-ħajja fir-rutina ta’ kuljum u l-affarijiet ordinarji li jiġru fiha;
- Id-dipendenza fuq Alla biss;
- L-ispirtu ta’ talb kontinwu;
- Il-fidi u l-imħabba fil-preżenza reali, vera u sustanzjali ta’ Ġesù Ewkaristija;
- Ir-relazzjoni personali mal-persuna ta’ Ġesù.
Dawn il-qaddisin u bosta nies oħra jfakkruna u jħeġġuna sabiex ngħixu dan l-ispirtu li pproponilna Ġesù, li jekk imqar tipprova tgħixu, tkun qiegħed diġà minn din l-art tgawdi mill-frott u l-kobor li joħroġ minnhu.
Fl-ispirtu tas-sempliċità niftakru li nistgħu niltaqgħu mal-kobor ta’ Alla, man-nies tant prezzjużi f’għajnejn Alla, mat-teżori vera tiegħU. Ġesù stess qalilna ċarament u direttament biex ma ngeddsux għalina “teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll. (Mt. 6: 19-21).
Ċerti u żguri minn din il-kelma u l-wiegħda ta’ Ġesù u moħħna mistrieħ li ma jinsiena qatt (ara Iż. 49, 15) nintelqu f’idejH u f’idejn il-providenza tiegħu bħal ħafna qaddisin u nies oħra sabiex ngħixu s-sempliċità li jrid Hu, biex minnha stess joħroġ il-kobor tiegħU.