Il-protesta (Mt 17:1-9)

Hemm xena fil-film Café Society (2016) fejn mara Lhudija tilmenta ma’ żewġha dwar kif binhom, qattiel, isir Nisrani. ‘L-ewwel qattiel, imbagħad isir Nisrani. X’għamilt biex jistħoqqli dan? X’inhi l-agħar?’, tgħid Rose Dorfman.

Marty, żewġha, ifakkarha li binhom sar Nisrani għax qalilhom li huma ma jemmnux fil-ħajja wara l-mewt, iżda waqt li tenniet li kulħadd jibża’ mill-mewt, Rose saħqet li m’għandna qatt nitilqu r-reliġjon li twelidna fiha.

Marty jwieġeb li hu ma jibżax mill-mewt, imma martu kienet pronta tfakkru li hu baħnan wisq biex japprezza l-implikazzjonijiet ta’ dan kollu. Ir-raġel jiddefendi ruħu billi jtenni li hu lest jisfida lill-mewt b’dak kollu li għandu u jmut jipprotesta kontra l-mewt.

‘Tipprotesta? Kif? Tikteb ittra fuq il-gazzetta?’ kompliet martu. Iżda hu wieġeb, ‘Nipprotesta kontra s-silenzju. Nipprotesta għax ħajti kollha nitlob fuq li nitlob, u qatt m’hemm tweġiba.’

Nimmaġina li ħafna minna familjari ma’ dit-tip ta’ konversazzjoni: l-omm tinkwieta għal uliedha u l-missier donnu jgħix f’dinja għalih. Imma din il-konversazzjoni forsi tista’ tgħinna nifhmu ftit aktar mhux biss dak li qed jiġri madwarna, imma wkoll x’nemmnu u għaliex.

Nistgħu napprezzaw l-implikazzjonijiet tal-għażliet tagħna? Ma naħsibx. Quddiem ir-realtà tagħna u quddiem dan il-misteru, iżda, nagħmlu l-qalb billi nisimgħuH. “La tibżgħux,” qalilna.

Ġesù wkoll, li fih titwettaq il-wegħda t’Abraham fl-ewwel qari u li fuqu tinbena l-wegħda lil Timotju fit-tieni qari, irid ifittex iċ-ċarezza u ċ-ċertezza li tikkaratterizza ħajtu u ħidmietu. Ġesù jirbaħ fuq id-dubju bit-talb, fis-skiet. Is-skiet ma’ fixklux. Anzi, it-talb kien il-protesta tiegħu.

Ġesù jitbiddel quddiem Pietru, Ġakbu u Ġwanni ftit jiem wara li ħabbrilhom għall-ewwel darba li kellu jmut u jqum mill-imwiet. Ġesù wkoll jibża’ mill-mewt iżda jirbaħ fuq il-mewt għax il-protesta siekta tiegħu kienet it-tiftixa, bla waqfien, tar-rieda tal-Missier f’ħajtu.

Il-protesta ta’ Ġesù ma tfittixx drittijiet tal-bnedmin imma tagħti dinjità lill-bnedmin. Xi waqtiet ma nifhmuhx, drabi oħra narawh dgħajjef wisq, imma dejjem jistedinna – anzi, isejħilna – biex b’għażla ta’ fidi, aktar milli għax inzertajna twelidna fiha, ninbidlu bħalu.

Mhux hekk biss. Ninbidlu bħalu għax inħallu lil Ġesù jibdilna miegħu. Kif? Il-protesta siekta tiegħu Ġesù jaqsamha magħna biex aħna wkoll inkunu nistgħu nipprotestaw billi fl-għażliet u fil-ħidmiet tagħna nafdaw fil-Missier – bħalu u miegħu.

***

Mt 17:1-9

Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.” Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.” Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.” Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.

Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”