“Mhuwiex hawn! Qam kif kien qal.”
Illum niċċelebraw l-Għid il-Kbir, u f’dan il-jum irridu niftakru li Ġesù mhuwiex biss ruħ li telgħet l-ġenna. Kristu Rxoxt, bħalma jgħidilna San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-Kolossin, huwa l-ewwel frott ta’ ħajja ġdida. Natura ta’ bniedem totalment ġdida dehret u ġiet irrivelata lilna. Is-salib kien biss passaġġ, post proviżorju.
Il-Qawmien tal-Mulej mill-mewt mhuwiex simbolu jew metafora. L-ewwel Insara ma ssagrifikawx ħajjithom għal metafora. L-ewwel dixxipli ma marrux ixandru mad-dinja kollha l-bxara t-tajba għax emmnu f’xi għajdut. Ħadd ma jissagrifika ħajtu għal xi simbolu. Dak li saħħaħ il-fidi tal-ewwel Insara kien il-fatt li Ġesù, li kien imsallab u miet, qam tassew u reġa’ ħa l-ħajja.
L-ewwel prova li kellhom id-dixxipli dwar il-qawmien taʼ Ġesù kienet il-qabar vojt. Ġesù ġie midfun f’qabar ġdid li qatt ma kien intuża qabel. Dan il-qabar kien viċin il-post fejn Ġesù ġie msammar maʼ zokk, u f’dak iż-żmien ġismu setaʼ jinstab faċilment u mingħajr tfixkil. Ir-rakkonti taʼ l-Evanġelju kollha jaqblu li meta l-ħbieb taʼ Ġesù waslu ħdejn il-qabar fit-tieni għodwa wara l-mewt tiegħu, ġismu ma kienx għadu hemm. Il-qabar vojt bellaħ lill-għedewwa taʼ Ġesù, sewwa sew bħalma bellaħ lil ħbiebu. L-avversarji tiegħu kienu ilhom jistinkaw biex jarawh mejjet u midfun. Wara li wettqu l-għan tagħhom, huma ħadu l-prekawzjonijiet kollha billi poġġew għases u ssiġillaw il-qabar. Minkejja dan, fl-għodwa taʼ l-ewwel jum tal-ġimgħa, il-qabar kien vojt.
Ġimgħat wara, l-għedewwa taʼ Ġesù ma qamux jipprotestaw meta Pietru xehed: “Poplu taʼ Iżrael, isimgħu dan li se ngħidilkom. Ġesù taʼ Nazaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu. Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f’idejkom skont l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz taʼ nies ħżiena; imma Alla qajmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha. Għax David jgħid fuqu, ‘Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi, . . . u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama, għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi, u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir.’”
“Int, Mulej bil-Qawmien tiegħek inawgurajt eżistenza ġdida: inti l-Ħajja. Hallelujah! L-għajta ferrieħa tagħna. Inti l-Mulej.” – Pawlu VI