Ħadd il-Palm

Jiena Daqsxejn ta’ Ħmara

Naħseb uħud minna ġieli semgħu l-għanja “Jiena Daqsxejn ta’ Ħmara” li jkantaw it-tfal mhux f’dan iż-żmien imma fiż-żmien ferrieħi tal-Milied. Tgħiduli x’għandu x’jaqsam il-ħmar li narmaw fil-presepju fil-Milied mal-Ġimgħa Mqaddsa li għadna kif bdejna llum?

Il-ħmara torbot it-twelid u l-mewt ta’ Ġesù, il-Milied u l-Għid. Narawha ssaħħan it-tarbija Ġesù fil-maxtura u llum narawha dieħla b’Ġesù fuqha Ġerusalemm. Leġġenda ħelwa tgħidilna wkoll li din il-ħmara tant ħabbet lil Sidha li marret warajh sal-Kalvarju. Id-dell tas-salib waqa’ fuq daharha u b’tifkira tal-fedeltà tagħha, is-sinjal tas-salib għadu jidher fuq id-dahar ta’ xi ħmir.

Aħna u nibdew il-Ġimgħa Mqaddsa naħseb li l-ħmara tagħtina lezzjoni ħelwa.

L-ewwelnett, il-ħmara hi annimal sempliċi. Jekk xi ħadd jikkummenta li int ħmar ftit tieħdu bħala kumpliment għax il-ħmara nassoċjawha ma’ annimal bla ħsieb ta’ xejn, tajjeb biss biex tgħabbih bit-tagħbija. Ma fih preġju ta’ xejn tant li jgħix għad-dell ta’ annimali oħra li fil-għajn jidhru isbaħ u aktar b’saħħithom, bħaż-żiemel. Imma fil-Vanġelu li naqraw fil-bidu tal-quddiesa llum, Ġesù jidħol f’tant dettall biex jagħżel din il-ħmara. Lanqas ir-rakkonti tas-sejħat tal-appostli ma jidħlu dakshekk f’reqqa. Bħall-ħmara, Ġesù jagħżel lilna biex imur għand l-oħrajn. Jagħżilna minkejja li bħall-ħmara, ftit li xejn għandna preġju; aħna sempliċi. Alla jista’ jagħżel is-setgħanin tal-art imma minflok jagħżel ħmir bħalna.

It-tieninett, il-ħmara kienet hemm mhux biss fil-ferħ tat-twelid ta’ tarbija ġdida jew fil-glorja tan-nies jgħajtu “Hosanna” fost iċ-ċapċip u t-tifħir tal-folla, imma l-ħmara kellha wkoll sehem fil-passjoni ta’ Ġesù. Fuqha Ġesù rikeb biex jersaq aktar viċin lejn is-salib tiegħu. Ħafna drabi aħna, bħall-ħmara, kuntenti nġorru lil Ġesù qalb iċ-ċapċip u t-tifħir, imma meta jiġi l-iebes tal-ħajja faċli nwarrbuh. Irridu, bħall-ħmara, inġorru t-toqol ħelu ta’ Ġesù fuq daharna kull fejn hemm bżonn: fil-grotta ta’ Betlem, fil-folla ta’ Ġerusalemm sa fuq il-Kalvarju.

It-tieletnett, il-ħmara tgħallimna niddependu fuq kollox fuq Ġesù: hu qed imexxina. Jeħodna fejn jeħodna, anke sa Ġerusalemm fejn se jissallab, aħna kuntenti li qed jinqeda bina biex jagħmel il-ġid. Xi kultant it-toqol tiegħu se nħossuh iebes imma hu s-Sid tagħna; aħna l-ħmir tiegħu.

Hekk kif se nibdew din il-ġimgħa li hi tant għażiża għalina ejjew ngħidu bħall-ħmara: “Jiena daqsxejn ta’ ħmara. Lili għażilt. Ħudni fejn trid, imqar lejn il-Kalvarju, għax jien tiegħek”.

Il-Qari tal-lum jista’ jinstab minn hawnhekk.