Mill-Mewt għall-Ħajja
Matul dawn l-aħħar Ħdud tar-Randan, l-enfasi fl-Evanġelji kienet fuq is-sagrament tal-Magħmudija – dak is-sagrament li jwellidna mill-ġdid u jagħmilna wlied Alla. Għalkemm ma jissemiex direttament fl-Evanġelju, is-simboli li juża San Ġwann jippuntaw lejn dan is-sagrament li rċevejna meta konna żgħar u li għandna ngħixuh tul ħajjitna kollha.
Wieħed jista’ jinnota li l-qari tal-lum huwa marbut ħafna mal-mewt. Filfatt, fl-ewwel qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel, nisimgħu kif l-oqbra tagħna jerġgħu jinfetħu u aħna nerġgħu nimtlew bil-ħajja. L-istess tema insibuha wkoll fit-tieni qari mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, fejn naraw li Kristu verament qiegħed ġo fina u li aħna mislufin lil din id-dinja. “Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.”
Fl-Evanġelju tal-lum, nisimgħu r-rakkont – li tista’ tgħid kważi kulħadd jafu – ta’ meta Ġesù qajjem lil Lazzru mill-mewt. Waħda mill-ewwel affarijiet li tolqotna f’din is-silta hi r-referenza li jagħmel l-awtur għall-emozzjonijiet ta’ Ġesù hekk kif jisma’ l-aħbar tal-mewt ta’ ħabibu Lazzru. Huma ftit dawk id-drabi fl-Evanġelji fejn naraw lil Ġesù jibki. Dan il-fatt jenfasizza l-umanità ta’ Ġesù: Ġesù ħassu kif inħossuna aħna meta jmut xi ħadd qrib tagħna – imnikktin għat-telfa li nkunu għadna kif ġarrabna.
Jolqotni wkoll il-kuraġġ li kellu Ġesù, li jidher anke fil-mod ta’ kif tkellem mal-Appostli: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi bil-lejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl.” Fil-ħajja tagħna aħna mdawrin b’ħafna tentazzjonijiet u affarijiet li jistgħu jfixkluna. Madanakollu, huwa biżżejjed li jkollna rieda tajba: anke jekk verament inħossuna falluti, dejjem hemm Hu li lest biex jilqagħna. Meta nkunu mixjin fid-dlam, Ġesù huwa dak il-musbieħ li jgħinna biex idawlilna t-triq.
“Ħuk jerġa’ jqum!” Din is-silta tfakkarna wkoll fit-tama Nisranija: fl-aħħar tad-dinja għad nerġgħu nqumu, kif jixhed id-djalogu bejn Ġesù u Marta. Huwa frott dan id-djalogu u l-istqarrija ta’ fidi (minkejja li kienet stqarrija dgħajfa) ta’ ħut il-mejjet li Ġesù jmur fil-post fejn kien midfun u, wara li jitlob lin-nies ineħħu l-ġebla mill-qabar, jgħid b’leħen sod u qawwi, “Lazzru, oħroġ!” Ejjew inħallu lil Ġesù jirrepeti dawn il-kliem lilna wkoll. Għax xi kultant, fil-ħajja tagħna, ikun jeħtieġ li nibdlu l-istil ta’ ħajja li qbadna għax ma jirriflettix il-fidi tagħna f’Ġesù.
Kemm aħna lesti li nisimgħu l-għajta tiegħu?
***
Ġw 11:1-45
Kien hemm wieħed marid, Lazzru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lazzru, il-marid, kien ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid.” Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla.” Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija.” Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?” Weġibhom Ġesù: “M’hux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi billejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl.” Qalilhom hekk, u mbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lazzru rieqed; iżda ħa mmur u nqajjmu.” Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq.” Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. Mbagħad qalilhom ċar u tond: “Lazzru miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh.” Tumas, mlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu.”
Meta wasal, Ġesù sab li Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ‘l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.” Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!” Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum.” Qalilha Ġesù: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?” “Iva, Mulej,” weġbitu, “Jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja.”
Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek.” Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajjluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm. Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut.” Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?” staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara.” U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!” Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”
Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’ oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata.” Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej, issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet.” Qalilha Ġesù: “Ma għedtlikx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Mbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ‘il fuq u qal: “Missier, nroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għedt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni.” Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lazzru, oħroġ!” U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur.”
Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.