It-Tielet Ħadd tal-Għid

Filwaqt li ma emmnux, kienu qegħdin jitkellmu fuq il-Mulej !

L-evanġelista Luqa jirrappreżenta qabża kbira – mid-dwejjaq li ħassew meta sabu qabar vojt għall-ferħ li tqanqal fihom fil-laqgħa li kellhom mal-Mulej. F’dan ir-rakkont li jinsab biss fl-evangelju ta’ Luqa insibu żewġ dixxipli, li jirrapreżentaw il-komunita’ kollha. F’din il-mixja Kleofa u  dixxiplu ieħor jiltaqgħu ma’ Ġesù, imma ma jagħrfuhx.

It-testment il-qadim ilaqqagħna ma’ numru ta’ każijiet fejn il-poplu magħżul jiltaqa’ ma’ Alla. Eżempju ta’ dan hi il-laqgħa ta’ Abraham mal-Mulej ġewwa Mamre, u l-ħolma ta’ Ġakobb. Mose ukoll sema’ l-vuċi ta’ Alla fis-siġra taqbad mingħajr ma’ tinħaraq. Il-laqgħa ta’ dawn id-dixxipli t’ Emmaws kienet differenti għaliex l-ewwel jistaqsu u jfittxu tweġiba,  mbagħad għajnejhom jinfetħulhom u jibdew jaraw, u qalbhom timtela. Reżultat ta’ dan huma jitilqu biex jagħtu l-aħbar lil min irid jisma. Dak li esperjenzaw dawn id-dixxipli, esperjenzatu Marija ta’ Magdala, għaliex għalkemm dehrilhom u kien preżenti magħhom, huma kellhom jagħmlu pass biex jirrealiżżaw min hu – fil-qsim tal-ħobż  fil-ġrajja t’ Emmaws u sempliċiment fis-sejħa tal-isem – Marija. Kieku ma għamlux din il-qabża kien ikollhom jikkuntentaw bil-mewt – bit-telfa tat-tama.

L-Evanġelu ta’ San Luqa kien wieħed mill-aħħar evanġelji li nkiteb, u għalhekk ħafna minn dawk indirizzati ma kinux iltaqgħu ma’ Ġesù. Luqa jgħidilna li nistgħu nagħmlu din il-laqgħa ma’ Ġesù fil-qari tal –kelma t’ Alla, “U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.” Kif ukoll fil-qsim tal-ħobż, “qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom.”  Kif insibu miktub fid-Dei Verbum: “Il-Knisja dejjem tat qima lill-Iskrittura Mqaddsa kif tat lill-istess Ġisem tal-Mulej billi qatt ma naqset, l-aktar fil-liturġija mqaddsa, li tieħu l-għajxien bil-ħobż tal-ħajja mill-mejda tal-kelma ta’ Alla u tal-Ġisem ta’ Kristu, u tagħtih lill-fidili. Flimkien mat-Tradizzjoni Mqaddsa l-Knisja dejjem żammet u żżomm il-Kotba Mqaddsa bħala r-regola ewlenija tal-fidi tagħha.”

Il-ġrajja t’ Emmaws hi l-ġrajja tal-ħajja tagħna. Lkoll kemm aħna għandna l-ħolm tagħna kif ukoll il-problemi tagħna. Iżda din l-istorja turina li b’xi mod jew ieħor il-Mulej ikun qed jaħdem f’ħajjitna anke’ jekk ma narawhx.

Il-komunita’ nisranija tifforma l-ġisem ta’ Kristu li hu l-knisja, u huma dawn l-esperjenzi li jibnu lill-komunita’ nnifisha – huma dawn il-laqgħat tagħna ma’ Kristu li jgħaqqduna aktar ma’ xulxin. Id-dixxipli meta skoprew min hu dan, telqu dak il-ħin u marru jiġru lejn Ġerusalemm, lejn il-belt.

Fid-dawl ta’ din il-ġrajja lkoll għandna nsaqsu lilna nfusna jekk qalbna hijiex “imkebbsa ġewwa fina” meta nisimgħu l-kelma ta’ Alla biex hekk waqt li nagħmlu l-mixja ta’ ħajjitna, nemmnu ukoll b’fidi li Ġesù qiegħed magħna, ankè jekk ma narawhx.

***

Lq 24:13-35

Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Mbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek  il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn  il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Mbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!” Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ‘il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Mbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.