Nixtieq li flimkien nimmaġinaw il-kommossjoni meta d-dixxipli reġgħu lemħu lil Ġesu. Nimmaġina lil Pietru jgħajjat u jitkaża: X’għidtlek? Qed tara kif kelli raġun? Imbasta merejtni!
Però Ġesu ma jaħmilx jara lid-dgħajjef f’kantuniera. Għalhekk nimmaġinah li jdawwar dirgħajh ma spallejn Tumas, mistagħġeb kif kien, imbellaħ bid-dehra quddiem għajnejh, u jieħdu f’kantuniera waħdu. Hu u Tumas biss. Ilissen l-ewwel kliem Ġesu stess: ‘Poġġi subgħajk hawnekk’. Iżda dawn ma kenux kliem tqal mimlijin ċanfira għax ma emminx. Ġesu jaf li l-misteru tal-Qawmien hu misteru li jfixkel ħafna nies. Jaf u jagħder. Tumas ilaqlaq, għaraq nieżel ma’ ġbinu, però jħoss tqanqila minn ġewwa u bħal donnu qed jeħles t-toqol minn fuq l-istonku tiegħu jgħajjat: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi!’
Ġesu jitbissem u idu li kienet għada wara spallejn Tumas tingħafas bħal donnu qed jirringrazjah li għarfu. Dak li fi Ġwanni dejjem muri bħala li jaqta’ qalbu, u li jmeri (11:16; 14:5) jibda l-proċess tal-fidi. Ma jasalx fit-tmiem b’din l-istqarrija. Tant hu veru li jissemma fil-kapitlu ta’ wara bħala wieħed mis-7 dixxipli li ma fehmux l-identità ta’ Ġesù (21:4) sa ma għarfuh u reġgħu stqarrew l-identità. Il-fidi hi mixja u mhux destinazzjoni. Dan Ġesù jafu u jagħdirna fih.
Lura għax-xena. Issa li ħeles mit-tfixkil tad-dubju, il-Mulej jista’ jakkumpanjah lura mal-merħla. Dak li ma emminx, issa jagħmel stqarrija ċara li nirrepetuha ta’ kuljum aħna u nħarsu lejn l-Ostja kkonsagrata. Dak iċ-ċiniku issa lest biex isir appostlu, messaġġier tal-Aħbar it-Tajba. U x’inhi l-aħbar it-tajba jekk mhux fejqan għalina l-midinbin?
Issa Ġesu jista’ jirrepeti l-vokazzjoni lil Tumas ukoll. Jista’ jonfoħ fih l-Spirtu s-Santu kif nefaħ fuq l-oħrajn ġimgħa qabel. Jibgħat lilu wkoll: ‘Kif Missieri bagħat lili, hekk jien nibgħat lilek Tumas!’ ‘Iva lilek! Għax jien għandi bżonn tiegħek ukoll!’ U dal-kelmiet l-Mulej qed jgħidhom lili u lilek ukoll illum. Aħna li ma ħaqqniex u forsi skandlu għal ta’ madwarna: ‘Possibbli ’l dak irid il-Mulej?’ – Iva ta, possibli, għax il-Mulej dejjem b’nies hekk inqeda.
Tumas, li ddubita u waqqa’ għaċ-ċajt lil sħabu għax qasmu miegħu l-ferħ tal-Għid, issa jerġa’ jingħaqad magħhom, bħallikieku qerr l-ewwel qrara tiegħu u l-Mulej jakkumpanjah lura lejn il-komunità. Jesperjenza hu l-ewwel wieħed dak li permezz tiegħu ħafna għad jesperjenzaw: il-maħfra u l-ħniena t’Alla u l-komunità li tilqagħhom lura fiha. Għax wara kollox x’inhu l-qrar? Mhux ċelebrazzjoni? Mhux festa ta’ maħfra?! U x’festa hi jekk mhux iċċelebrata f’komunità? Għalhekk jista’ xi ħadd iċaħħad din il-festa lil xi ħadd ieħor? Mhux kollha kemm aħna għandna lil Tumas ġewwa fina? Mhux kollha kemm aħna għandna lil Pietru li jitkaża u jrid li tgħaddi tiegħu, u jieħu gost li jara li jseħħ kif tkun għaddiet tiegħu?
Imma għal Ġesù, dan mhux importanti. Ġesù xorta qed jagħżilna bħala l-mibgħutin tiegħU: u mibgħutin biex inwasslu l-ħniena tiegħu: kull fejn inkunu u aħna min aħna, għamilna x’għamilna, u qegħdin f’liema sitwazzjoni qegħdin. Il-Mulej u Alla tagħna qiegħed iħallina nmissuh, nidħlu f’kuntatt mal-Qalb Imqaddsa tiegħu, mal-Qalb mimlija ħniena tiegħu u b’hekk jibgħatna naqsmu l-ħniena u l-maħfra li rċevejna mal-oħrajn. Qed jibgħatna nwasslu l-ferħ veru tal-Evanġelju: Li induqu u naraw kemm hu ħanin il-Mulej.
***
Ġw 20: 19-31
Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Mbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.” Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.