Il-Ħames Ħadd tal-Għid

Fl-Evanġelju skont San Ġwann kapitlu 14 niltaqgħu ma’ Ġesù li jassikurana, jittamana, iqawwilna qalbna u b’saħħa kbira jinkoraġġina. Ġesù ma jħalli l-ebda lok għal dubju, għal biża’ jew għal qtigħ il-qalb.

Fi Ġwanni 14 Ġesù ma jċanfarx, lanqas meta ffaċċjat mill-pessimiżmu akut post-Resurrezzjonali tad-dixxipli u tal-appostli magħżula minnu. Drabi oħra Ġesù ġie li ħass il-bżonn li jiġbdilhom l‑attenzjoni u anke jċanfarhom għan-nuqqas ta’ fidi tagħhom. Imma hawnhekk le: “Tħallux qalbkom titħawwad ….. jiena l-Verità …  Jiena l-Ħajja …. (sempliċiment) … Emmnuni!”

B’paċenzja liema bħalha, Ġesù jwieġeb kull mistoqsija, jirrepeti għal darba tnejn dak li jkun diġà qalilhom drabi oħra, jimmotiva, iqawwi l-qlub, joffri t-tama għall-futur.

Il-perjodu li qegħdin nitkellmu dwaru nistgħu nsejħulu post-trawmatiku. Sa ftit jiem biss qabel Ġesù kien l-iktar persuna popolari fil‑Lhudija u fil-Galilija. Is-sinjali, il-mirakli li bihom ikkonferma d-Divinità tiegħu kienu xi ħaġa li qatt ma dehret bħalha; kienu sinjali ta’ barra minn hawn! It-tagħlim tiegħu ħa xejra rivoluzzjonarja, radikali. Fl-istess waqt kliem Ġesù kien mimli ħlewwa u tama. Kull fejn kien imur, in-nies kienet issewgwih, min għal raġuni, min għal oħra. In-nies kienet tieqaf tisimgħu, tistaqsih; kienet tagħmel kuraġġ bih. Lil Ġesù kienu għadhom kif daħħluh trijonfalment f’Ġerusalem, imbagħad … ġie ittradut minn sieħbu stess, ifflaġellat, maqtul bħalli kieku kien l-agħar kriminal. Timmaġinaw għal dawk li emmnu f’Ġesù, u speċjalment għal dawk qrib tiegħu, x’diżillużjoni, x’diżappunt! Min jaf kemm beżgħu li jista’ jiġrilhom l-istess! Fil-fatt, min minnhom baqa’ miegħu taħt is-salib? Waħdiet. Imbagħad, oħroġ il-għaġeb, Ġesù reġa’ fosthom. Imma issa l-appostli u d-dixxipli kienu attenti li ma jġarrbux it-tieni diżappunt. Allura huwa perjodu fejn kulħadd kien kawt, attent u dubjuż!

Ninsabu fuq l-għatba tal-Pentekoste meta mbagħad l-Ispirtu s-Santu żera’ l-qawwa u l-kuraġġ biex il-knisja toħroġ minn qoxritha u tibda tinxtered. Bħall-Appostli fi Ġwanni 14, aħna wkoll spiss tonqsilna l-fidi. Taħbat se taqta’ qalbek. Jiġu l-mumenti tal-prova: kif inħobbu ngħidu spiss, …. ‘it never rains but it pours’ jew ‘il-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien’. Meta nħossu li mhux se nkampaw, meta nħossuna nagħżqu fl-ilma, meta jibda jidlam u ma jkun jidher l-ebda ħjiel li qatt se jerġa’ jisbaħ, meta nħossuna telliefa, meta l-ħażen jaqtgħalna qalbna għax jidher qawwi wisq, meta għada jidher li m’hemmx tama li se jkun aħjar mil-lum, meta l-egħżeż persuni li għandna narawhom isofru u aħna ma nkunu nistgħu nagħmlu xejn, meta l-mundan jegħleb l‑ispiritwal, ejja niftakru fi Ġwanni 14: “… emmnu fija …. fid-dar ta’ missieri hemm ħafna postijiet ….  sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.”

Wara kollox, mhux dan l-iskop tal-eżistenza u tal-fidi tagħna?

***

Ġw 14:1-12

“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.” Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa ‘l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh.” Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.” Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli, ‘Urina l-Missier’? Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu. Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk m’hux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.