Fis-silta li tippreżentalna l-Knisja ninsabu fid-diskors twil u importanti li Ġesù jagħmel qabel il-ġrajja importanti tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Hija silta li tkompli mal-Evanġelju tal-Ħadd li għadda u tkompli tagħti tweġiba għal mistoqsija ta’ Filippu “Urina l-Missier”.

Ġesù jkompli jagħtina r-risposti għal dawn il-mistoqsijiet. “U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem” Ġesù jagħmel wiegħda importanti għalina li mhux ser iħallina waħedna. Il-preżenza tiegħU mhux ser tieqaf jew tispiċċa meta jitla’ għand il-Missier bil-ġisem glorjuż tiegħU. Ġesù jwiegħed l-Ispirtu s-Santu li għandu jkun Hu li jmexxi l-iMħabba tagħna.

Wiegħda oħra li Ġesù jagħti hija il-wiegħda li għad jerġa’ jiġi. Ġesù jgħidilna ċar fiż-żewġ risposti li jagħti li hemm żewġ modi ta’ kif wieħed jista’ jirċievi l-Ispirtu u l-miġja tiegħu. Dak tad-dinja fejn, “ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu” u “ma taranix aktar”, u dak tad-dixxipli tiegħu “intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom” u “intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu

F’din is-silta, Ġesù qiegħed jagħmlilna twissija ċara biex inkunu dixxipli tiegħu. Li nkunu dixxipli ta’ Ġesù jmur lil hinn milli nisimgħu informazzjoni teoretika u dottrinali tat-tagħlim tiegħU. Fil-qalba tad-dixxipulat hemm l-esperjenza ta’ Ġesù u r-relazzjoni tagħna miegħU. Hija permezz ta’ din l-esperjenza ta’ Mħabba li nkunu lesti li niċħdu lilna nfusna u lid-dinja u ngħixu s-sejħa tagħna tad-dixxipulat. B’hekk inkunu nistgħu ningħataw lil Alla meta nħarsu l-kmandamenti tiegħu b’Imħabba.

***

Ġw 14:15-21

“Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.” 

Comments