Is-Seba’ Ħadd tal-Għid

“Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.” Ġesu Kristu, rxuxtat, rebbieħ fuq il-mewt u t-tama tagħna għall-ħajja ta’ dejjem; Kristu li f’wiċċ it-tbatija, minkejja dak kollu li kien għaddej minnu, ma waqax għat-tentazzjoni li jmur kontra dak li kellu jagħmel, issa qiegħed jgħidilna biex il-messaġġ tiegħu ta’ mħabba nwassluh lil kulħadd. Hu, ir-rebbieħ fuq kollox, dak li jafna personalment, qiegħed jafdalna din il-missjoni tant importanti. Illum qiegħed jgħidilna, bħalma qal lid-dixxipli elfejn sena ilu, biex l-esperjenza sabiħa li aħna għandna t’Alla naqsmuha mal-oħrajn, dawk l-iktar viċin tagħna, dawk li niltaqgħu magħhom, u jekk jista jkun, anke dawk ’il bogħod minna.

Interessanti l-fatt li xi wħud milli nxteħtu quddiemu kienu ddubitaw; iddubitaw minn min hu Ġesù jew jekk hux hu verament qiegħed quddiemhom, u dan minkejja li kienu parti mill-ħdax. Aħna wkoll xi kultant ikollna d-dubji dwar il-preżenza t’Alla f’ħajjitna jew kemm verament dak li qiegħed jagħmel hu għal ġid tagħna. Id-dubji ma waqfux lid-dixxipli milli jinxteħtu quddiem Ġesu u jkomplu jfittxu li jaraw min hu, u għalhekk aħna wkoll għandna nagħmlu l-istess, li minkejja d-dubji nżommu r-relazzjoni tagħna miegħu għax lilu “ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.” Il-ġimgħa d-dieħla se naraw kif l-Ispirtu t’Alla niżel fuqhom u meliehom b’qawwa kbira li neħħitilhom kull dubju ta’ Ġesù min hu. It-tama tagħna tibqa’ f’Alla għax aħna nafu li mhemm xejn li hu ma jistax jagħmel, u din tagħtina kunfidenza sħiħa.

Ġesù jistedinna wkoll li mhux biss inwasslu l-messaġġ tiegħu, imma nkunu aħna l-mezz li bih ħafna jidħlu fil-familja li aħna ngħidulha l-Knisja, l-familja tiegħu, l-familja li hu r-Ras tagħha u hi l-Ġisem tiegħu. F’dan il-mument kien wasal li hu jitlaq b’mod fiżiku minn din l-art, però ried jibqa preżenti permezz ta’ dan il-ġisem li hu l-Knisja u permezz tagħha jkun preżenti fis-sagramenti, fis-sinjal li jagħtuna l-qawwa tiegħu. B’hekk huwa magħna għal dejjem, sal-aħħar taż-żmien, iżda Kristu ried li fiċ-ċentru tal-preżenza tiegħu hawn ikun hemm int. Għalhekk, ibqa’ żomm lil Kristu preżenti f’ħajtek billi tfittex li tibni relazzjoni miegħu, u dejjem tieħu kull opportunità biex turi wkoll lil dawk li tiltaqa magħhom li hu dejjem hawn.

***

Mt 28:16-20

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”