Minkejja li l-ġeografija li nsibu f’dan il-passaġġ mhijiex daqstant korretta, però Luqa jindika li Ġesù għadu fil-mixja tiegħu lejn Ġerusalemm. F’din il-mixja jippreparana għall-fejqan ta’ dawn il-lebbrużi.

Kif inhu indikat fit-Testment il-Qadim, dawn in-nies morda bil-lebbra kienu jisfgħu eżiljati. Fil-ktieb tan-Numri naqraw kif ulied Iżrael huma ordnati mill-Mulej biex iwarrbu mill-kamp lil kull min għandu l-ġdiem, xi nxija jew tniġġes minħabba xi mejjet (Num 5: 2). Fil-ktieb tal-Levitiku, naqraw kif il-morda bil-ġdiem għandhom jilbsu ħwejjeġ imqattgħa u jħallu rashom mikxufa, u jitgħattew sa geddumhom, u kull wieħed jgħajjat: ‘Mniġġes! Mniġġes!’ (Lev 13: 45).

Il-lebbrużi tal-Evanġelju, iżda, ma jagħjtux ‘Mniġġes!’ imma ‘Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!’. Normalment, dan it-titlu ta’ Mgħallem jingħata lil Ġesù mid-dixxipli biss; il-lebbrużi, iżda, xorta waħda jsejħu lil Ġesù Mgħallem. Spiss fl-Evanġelju ta’ Luqa naraw l-enfasi fuq il-ħniena bħala turija t’Alla li ġie jifdi l-poplu tiegħu.

Wieħed minn dawn l-għaxra, li kien Samaritan u li Ġesù isejjaħlu ‘barrani’ jirrealizza mhux biss li fieq imma jagħraf xi ħaġa aktar profonda fil-karattru ta’ Ġesù. Dan il-barrani jurina xi tfisser li temmen, f’kuntrast mal-atteġġjament biered ta’ dawk madwar Ġesù. Forsi d-disgħa l-oħra ħassew li kellhom dritt għall-fejqan għax Ġesù kien Lhudi bħalhom? Il-barrani jagħraf li Alla ġie jżur lill-poplu tiegħu f’dan il-profeta.

F’dan l-episodju naraw kif sfortuna komuni tgħaqqad flimkien lill-bnedmin. Inżommu quddiem għajnejna li s-Samaritani u l-Lhud ma tantx kienu jaraw lil xulxin f’dawl sabih. Imma f’din iċ-ċirkustanza kollha ħassew il-ħtieġa tal-bżonn t’Alla, bid-differenza li wara l-fejqan wieħed biss wera l-gratitudni ta’ dak li Alla għamel miegħu. Hawnhekk naraw kemm kultant inkunu ingrati meta nieħdu dak li nkunu rridu, u mbagħad nitilqu.

Din tiġrilna wkoll fil-ħajja tagħna meta ma napprezzawx dak kollu li ngħaddu minnu, u nkunu ingrati kemm lejn ħaddieħor u kemm lejn Alla. Hi grazzja li nagħrfu l-iżbalji tagħna. Faċli nkunu aljenati f’dak li hu materjali u allura ma nkunux nistgħu nikbru f’dak li hu essenzjali, u faċli ninsew l-akbar rigal: li Alla tana lill-ibnu l-waħdieni biex inkunu salvi.

 Ħsibijiet mil-Lectio Divina ta’ nhar it-Tnejn, 7 t’Ottubru 2019, fis-Seminarju

____

L-Evanġelju tat-Tmienja u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena (Lq 17:11-19)

Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, ltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ‘l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!” Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin.” U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, nxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “M’hux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!” Mbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek.”

 

Comments