F’kapitlu 17 Ġesù jibda biex jagħti xi twissijiet fosthom kif nuru stima lejn min hu ċkejken, kif naġixxu ma’ min ikun fl-iżball u r-reponsabbiltà li għandu jkollna ta’ xulxin. Jgħallem kif wieħed għandu jilqa’ bi gratitudni dak li jirċievi mingħand ħaddieħor. Fi kliem ieħor, Ġesù jgħallimna kif ngħixu f’komunità u nkunu bennejja tas-Saltna tiegħu.
Dawn it-twissijiet jitolbu impenn, u għalhekk fl-ewwel parti ta’ din is-silta (vv. 5-6) naraw l-appostli jitolbu lil Ġesù biex ikattar fihom il-fidi. Ġesù jwieġeb b’paragun ftit esaġerat, iżda m’għandniex nitilfu l-punt li jrid iwasslilna li mqar fidi daqs żerriegħa ċkejkna kapaċi ġġib bidla sħiħa. Meta hemm daqxejn ta’ fidi iseħħilna naraw ħwejjeġ kbar li jistgħu jidhru impossibbli. Kemm aħna konvinti minn din il-qawwa li l-Mulej inissel fil-qalb tagħna?
Fl-aħħar mill-aħħar f’dan tikkonsisti s-Saltna t’Alla, Saltna li tikber fis-skiet, u s-Saltna diġà tinsab fil-qalb ta’ min hu dispost li jilqagħha u jaħdem għall-bini tagħha. B’riżultat ta’ dan jistgħu jseħħu bidliet kbar fija u fil-persuni l-oħra. Jekk l-imħabba lejn Alla tidher fil-konkret fl-imħabba lejn il-proxxmu, daqs tant ieħor il-fidi f’Alla tieħu xejra konkreta meta l-aħwa f’komunita’ jilqgħu lil xulxin u jżommu fl-istima lil xulxin. Minn dan tiġi l-qawwa li ġġib bidliet kbar. Kapaċi naraw lill-oħrajn mill-istess lenti ta’ Ġesù?
Fit-tieni parti (vv. 7-9) Ġesù jġib b’eżempju qaddej ta’ wieħed sid. Qaddej ma jimmerita l-ebda dritt. Hu eżempju ftit aħrax, imma Ġesù jgħallem li fil-ħajja tal-komunità d-dixxiplu għandu jiċħad lilu nnifsu, ma jistenna xejn lura imma importanti li jaqdi dmiru b’impenn leali u diżinteressat. Għalhekk id-dixxiplu jqis lilu nnifsu qaddej li “ma jiswa għalxejn” u li ma jistenna xejn lura. L-importanti li jwettaq dejjem il-volontà t’Alla f’ħajtu u għall-akbar glorja t’Alla.
Din il-parabbola tpoġġina f’postna: lil Alla m’aħna nagħmlulu l-ebda pjaċiri. Nitolbu, għalhekk, biex ma nitkabbrux, biex nagħmlu dak li għandna nagħmlu fis-skiet u bl-umiltà. Nitolbu biex ikollna l-istess sentimenti u ħsibijiet ta’ Ġesù li, għad li kien Alla, ċekken lilu nnifsu (Fil. 2:3-8), u li ġie “biex jaqdi” (Mk 10:45).
Ħsibijiet mil-Lectio Divina ta’ nhar it-Tnejn, 30 ta’ Settembru 2019, fis-Seminarju
____
L-Evanġelju tas-Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena (Lq 17:5-10)
L-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi.” Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar,’ u hi kienet tisma’ minnkom.
“Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu? ‘Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel’? jew, ‘Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int?’ Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kull ma tkunu ordnati, għidu, ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.’”