Fil-parabbola tal-wikkiel għani u tal-fqajjar Lazzru, m’għandniex l-isem tal-għani imma għandna l-isem tal-fqajjar, u għandna aktar kliem dwar il-fqajjar milli dwar l-għani. Fil-fatt, l-isem ‘Lazzru’ jfisser Alla jgħin, u dan donnu mhux jiġri; nistgħu nifhmu din il-parabbola fid-dawl ta’ Salm 73.

Għalkemm mhux komuni fil-parabboli ta’ Ġesù li Ġesù jagħti isem lill-karattri, Santu Wistin jikteb li l-għani tal-parabbola, kontra l-fqajjar, ma jingħatax isem f’din il-parabbola propju għax m’għandux ismu miktub fil-ktieb tal-ħajja. Il-fqir, iżda, għandu wiċċ quddiem Alla u ismu hu dejjem quddiemu.

Għalkemm din il-parabbola hija aktar dwar il-ħajja ta’ wara l-mewt milli t’issa, ma tridx tgħid li għandna nittolleraw kull tip ta’ tbatija fil-ħajja t’issa. Fil-fatt din il-parabbola nsibuha minquxa fuq il-portali ta’ diversi knejjes propju biex tfakkar li għandna ngħinu lil xulxin u b’mod partikolari lill-fqar. Kif naraw anke fi skulturi fuq knejjes Gotiċi, il-fqir hu l-bieb tal-ġenna għal dawk li jħobbuh tassew.

Importanti nagħrfu li mhux kull min jidher sew hu sew quddiem Alla. L-għani jidher sew ħafna f’għajnejn ta’ bosta imma fil-fatt mhu sew xejn fil-verità. Hu juri li jemmen biss meta jara lil Lazzru fi ħdan Abraham u, għalkemm għall-ewwel darba jsejjaħ lill-fqir b’ismu, l-atteġġjament tiegħu jibqa’ l-istess bħal qabel: dak ta’ sid.

Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ tiegħu għar-Randan fl-2017, jikteb li, fl-atteġġjament tal-għani, nilmħu b’mod drammatiku l-korruzzjoni tad-dnub, u naraw kif il-bniedem jista’ jagħma bl-għana, bl-ambizzjoni u bis-suppervja.

Aktar milli dwar l-aljenazzjoni tar-reliġjon, din il-parabbola tixħet dawl fuq l-atteġġjamenti għomja tal-bniedem, atteġġjamenti li jgħattu vojt interjuri.

Il-punt, għalhekk, hu s-smigħ. X’jista’ jiftħilna għajnejna? Biss is-smigħ ta’ kuljum tal-Kelma t’Alla li hi stedina biex nemmnu u nimxu wara l-Mulej. Inkella, lanqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jkun biżżejjed għalina.

Naturalment, aħna u naqraw din il-parabbola importanti niftakru li l-Mulej Ġesù hu dak li qam tassew mill-imwiet propju wara li kien ikkalpestat u miġruħ. Nisimgħu lilu, hu li hu l-Kelma u li jgħix magħna.

Ħsibijiet mil-Lectio Divina ta’ nhar it-Tnejn, 23 ta’ Settembru 2019, fis-Seminarju

____

L-Evanġelju tas-Sitta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena (Lq 16:19-31)

“Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda ta’ l-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu. Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Mbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu, ‘Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar.’ ‘Ibni,’ qallu Abraham, ‘ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna.’ Qallu l-għani, ‘Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!’ Qallu Abraham, ‘Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom.’ ‘Le, missier Abraham,’ qallu dak, ‘imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu.’ Iżda wieġbu Abraham, ‘Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu.’”

Comments