Forsi ħafna drabi, b’ton imtaqqal, issib min jilmenta li qegħdin jonqsu n-nies fil-knisja, biss ħafna drabi aktar niffukaw fuq in-numri milli fuq il-fidi tagħna. Il-mistoqsija ta’ Ġesù f’din is-silta tindirizzana b’mod dirett: “Taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi meta jiġi?”

Fl-Evanġelju skont San Luqa, insibu diversi drabi lil Ġesù jitlob kif ukoll jgħallem lid-dixxipli dwar it-talb. F’kapitlu 18, insibu żewġ parabboli li permezz tagħhom Ġesù jgħallem fuq l-attitudni tat-talb. Fil-‘parabbola tal-imħallef u l-armla’ (Lq 18:1-8) Ġesù jenfasizza t-talb bla waqfien u kontinwu, filwaqt li fil-‘parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan’ Ġesù jgħallimna fuq l-umiltà fit-talb.

Fil-lingwa rikka tagħna l-kelma ‘talb’ u ‘tallab’ ġejjin minn xulxin, għar-raġuni li dak li jitlob qiegħed jilbes l-attitudni ta’ tallab. Hekk naraw f’din il-parabbola fejn Ġesù aktarx juża sitwazzjoni komuni ta’ żmienu biex biha jwassal messaġġ lid-dixxipli tiegħu. Irridu noqogħdu attenti li ma nifhmux lil Ġesù qisu qed joħloq analoġija bejn l-imħallef u Alla. Anzi għall-kuntrarju, Ġesù jenfasizza li jekk l-imħallef kapaċi jisma’ lill-armla tallaba, kemm aktar Alla.

Infatti fuq l-imħallef ma nafu xejn, għajr li ma jibżax minn Alla u li ma jħabbel rasu minn ħadd. Għall-kuntrarju Alla fil-ġenerożità tiegħu jinteressah personalment. Intant Ġesù jsejjaħ lil dawk li jitolbu lil Alla bħala ‘l-magħżulin tiegħu’, jiġifieri Alla mhux biss jinteressah minnhom, imma kien hu stess li għażilhom.

Il-vera fidi tikkonsisti f’din: li nemmnu li Alla lilna jagħtina l-aħjar jekk dejjem aħna jkollna attitudni ta’ tallaba. Fit-talb jien mhux nimponi fuq Alla xi rrid, anqas inbiddel il-fehma ta’ Alla dwar x’inhu t-tajjeb għalija, imma jien waqt li nesprimi x-xewqat tiegħi u nafdahom fil-Mulej, b’fidi kbira nkompli ninfetaħ għar-rieda u l-preżenza tiegħu f’ħajti.

____

L-Evanġelju tad-Disgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena (Lq 18:1-8)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”. Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini”

U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”.

Comments