It-tema tas-sena

“Imma jkun bniedem li jilqa’ ‘il-barranin, iħobb it-tajjeb, meqjus, ġust, qaddis, rżin”
Titu 1:8

Din il-frażi, li hi t-tema magħżula għal din is-sena ta’ formazzjoni fis-Seminarju, tirreferi għal numru ta’ karatteristiċi li għandhom jimmarkaw il-formazzjoni tagħna.

Bniedem li jilqa’ ‘il-barranin

Naħsbu f’dawk kollha li, b’mod jew b’ieħor, huma jew imwarrbin jew b’xi mod inwarrbuhom aħna: il-barranin, il-foqra, il-kritiċi tagħna. Nitolbu biex il-preżenza tagħna tkun preżenza li tilqa’ u li tikkomunika kemm hi prezzjuża l-persuna.

Iħobb it-tajjeb

It-tajjeb mhux bilfors ikun perfett, imma hu konkret. Infittxu t-tajjeb meta dak li nagħmlu nagħmluh għall-oħrajn, mhux għall-kumdità u għall-fama tajba tagħna. Nitolbu biex nitkellmu t-tajjeb, inħeġġu u ninkoraġixxu minflok ingergru u mmaqdru.

Meqjus

Li nkunu meqjusa hu li nkunu sobriji, li ma nkunux superfiċjali. Li nkunu meqjusa tfisser li ma nesaġerawx la b’mod u lanqas b’ieħor, imma li nfittxu l-bilanċ f’dak kollu li nagħmlu. Nitolbu biex ma jkollniex attitudni konsumerista, biex inkunu nistgħu ngħixu għall-oħrajn.

Ġust

Il-’ġustizzja’ hi l-ispirtu tad-dixxerniment. X’inhuma drawwietna? U għaliex? Drajna hekk? Il-kultura tgħid hekk? Il-ġustizzja tħeġġiġna biex nikbru fid-drawwiet evanġeliċi. Nitolbu biex nagħrfu aktar min aħna fl-affarijiet iż-żgħar, fir-rutina ta’ kuljum, milli fl-affarijiet kbar imma ta’ darba.

Qaddis

Il-qaddis hu l-ħabib t’Alla. Il-qaddis hu dak li jżomm postu quddiem Alla u quddiem il-bnedmin, u li għalhekk jagħti lil Alla dak li hu ta’ Alla. Nitolbu biex nitgħallmu nilqgħu l-grazzji t’Alla f’ħajjitna u li, bl-eżempji li nagħtu, inkunu xhieda tal-fedeltà.

Irżin

Li nikkontrollaw lilna nfusna, li nkunu dixxiplinati magħna nfusna. Jekk ġietni ħaġa f’moħħi, naqbad u ngħidha mingħajr rispett lejn l-oħrajn? Hemm bżonn inwieġeb b’mod impulsiv fuq il-midja soċjali? Nitolbu biex inkunu aktar sensibbli milli impulsivi.

Nitolbu biex il-virtujiet ngħixuhom mhux biss għalina nfusna, iżda aktar għall-oħrajn.