Nhar it-Tnejn, 7 t’Ottubru, il-Knisja mqaddsa ċċelebrat it-tifkira tal-Imqaddsa Verġni Marija tar-Rużarju. Kelma li meta kont żgħir kienet tqabbadni l-kurżità imma konna nirrepetuha qabel kull posta tar-rużarju, hija l-kelma ‘kontemplazzjoni.’ Din il-kelma nħossha li torbot kemm it-tifkira kif ukoll il-kelma t’Alla ta’ din il-ġurnata.
Kemm niddejjaq meta nkun qiegħed nesprimi xi ħaġa importanti lil xi ħadd, u dak li jkun ma jħarisx f’għajnejja. Il-kelma kontemplazzjoni tfisser ħarsa t’osservazzjoni u meditazzjoni. Biss fir-realtà l-kelma ‘kontemplazzjoni’ ġejja minn żewġ kelmiet: com, li tfisser ‘ma’ xi ħaġa jew xi ħadd’ u templum, biċċa art ikkonsagrata għall-qima. Fi kliem ieħor tfisser li jien inkun mas-sagru, li nieqaf u napprezza d-divinità u l-misteru t’Alla.
Biss il-bniedem dejjem huwa liberu li jagħżel, jew it-triq tal-kontemplazzjoni jew inkella t-triq tal-aljenazzjoni. Fir-realtà ħafna drabi niskużaw ruħna u nagħżlu t-triq tal-aljenazzjoni.
Fl-ewwel qari tat-Tnejn, 7 t’Ottubru, qrajna kif il-profeta Ġona jagħżel it-triq tal-aljenazzjoni għax dak li jitlob il-Mulej f’ħajtu jarah wisq kbir għalih, b’hekk jaħrab ’il bogħod. Fl-Evanġelju mbagħad naraw il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb fejn kemm il-qassis kif ukoll il-levita ‘jaraw il-midrub, jgħaddu minn mal-ġenb u jibqgħu sejrin’. Kien is-Samaritan li waqaf u qagħad hemm, jiġifieri ra kif hu ser ikun t’għajnuna. Kien is-Samaritan li waqaf jikkontempla l-misteru ta’ Alla fil-barrani, u kien lest li jxammar il-kmiem u jgħin.
Ir-rużarju huwa din l-iskola ta’ kontemplazzjoni. F’kull misteru jien indawwar ħarsti u qalbi lejn il-misteru t’Alla filwaqt li quddiem dan il-misteru nġib ukoll l-esperjenzi kollha tiegħi f’ħajti. Mhux hekk biss, imma nkun qiegħed nitolbu ma’ dik li ‘kienet tgħożż f’qalbha’ l-misteru t’Alla.
Marija, nitolbok saħħaħ fiha l-attitudni kontemplattiva.