“Mgħammdin u mibgħuta”

Matul din is-sena bħala Seminarju qed nistiednu diversi saċerdoti li jkunu Malta sabiex jaqsmu magħna l-esperjenza missjunarja tagħhom. F’ dan ix-xahar straodinarju tal-missjonijiet aħna nħossu aktar il-bżonn li nkabbru kultura ta’ missjoni fil-komunità tagħna. S’issa diġà lqajna fostna lil Mons. George Frendo, Arċisqof ta’ Tirana Durres, li mexxa l-irtir tal-bidu tas-sena. Kellna mument ta’ talb ma’ Mons. George Bugeja, Isqof tal-Vikarjat ta’ Tripli u Amministratur Appostoliku ta’ Bengasi. L-irtir ta’ dan ix-xahar tmexxa minn Patri Silvestru Magro Franġiskan Kappuċin, bit-tema tal-missjonijiet.

L-iskop ta’ dawn il-laqgħat huwa li aħna nisimgħu dak li huma qed iwettqu jew wettqu ‘l barra minn xtutna u nfittxu metodi ta’ kif nistgħu ngħinuhom, l-ewwelnett bit-talb tagħna u fl-istess ħin nagħrfu b’liema mod Alla qiegħed isejjaħ. Aħna għandna nieħdu rwol aktar attiv f’din il-ħajja t’evanġelizzazzjoni. Kemm hija ħaġa sabiħa li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna bosta saċerdoti u lajċi, saħansitra familji sħaħ, iħallu kollox warajhom u jmorru f’artijiet imbegħda sabiex ixandru lil Kristu lil tant persuni li qatt ma semgħu bih.

Il-ħidma tal-missjunarju mhijiex sempliċiment li jaħdem sabiex itejjeb il-qagħda soċjali u ekonomika ta’ komunità bosta drabi fqira, iżda l-fulkru tal-ħidma tagħhom jintlaħaq biss meta jwasslu l-imħabba u l-ħniena t’Alla lil dawk li huma għatxana għall-preżenza u l-għarfien t’Alla. J’Alla nagħrfu li aħna ukoll mgħammdin u mibgħuta, l-ewwel nett fil-kuntesti ta’ ħajjitna sabiex inwasslu l-aħbar it-tajba.