Ta’ kull sena l-Animaturi tas-Seminarju jagħżlu tema u kelliem differenti biex jindirizzaw lis-seminaristi f’seminar ta’ formazzjoni.
Din is-sena is-suġġett magħżul kien ‘Accountability and Responsibility’. Dan is-seminar seħħ bejn il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru u l-Ħadd 10 ta’ Novembru u tmexxa mill-Psikoterapista Georgina Debattista.
Tul dan is-seminar, aħna s-seminaristi tal-ewwel tlett snin iddiskutjejna u tkellimna dwar diversi temi importani li joħorgu mit-titlu magħżul, fosthom dwar il-perċezzjonijiet tagħna, dwar l-importanza tas-smiegħ kif ukoll dwar il-bidla li jeħtieġ li jkun hemm fil-karattru ta’ dak li jkun meta jibda l-mixja wara Ġesù. Minn dan ħarġet l-importanza tal-formazzjoni umana u li kif kull wieħed minnha m’għandu qatt jieqaf jaħdem fuqu nnifsu.
L-istil ta’ dan is-seminar ħoloq ambjent sabiħ fejn aħna s-seminaristi stajna nitkellmu wkoll dwar il-ħajja personali tagħna. Permezz t’hekk stajna nirriflettu wkoll fuq il-ġmiel tad-don tal-ħajja u dwar ir-rikkezza tal-vokazzjoni tagħna. Stajna naraw is-similitaritajiet li għandna fil-karattru tagħna kif ukoll dawk l-affarjiet li fina jispikkaw, biex fl-aħħar mill-aħħar inkunu nistgħu nkunu komunità magħquda li tagħmel flimkien din il-mixja wara Ġesù.
Fl-aħħar tas-seminar għamilna riflessjoni individwali dwar inkwadratura mill-pittura “The Return of the Prodigal Son” ta’ Rembrandt.
Din l-inkwadratura turi l-missier jgħannaq lil ibnu. Irriflettejna kif aħna wkoll ninsabu taħt idejn il-Missier Alla, għaliex aħna wkoll uliedu. Din ir-riflessjoni għenitna niftakru li aħna ikoll maħbuba iżda waslitna lkoll biex nifhmu li wara li aħna maħbuba aħna ninsabu wkoll mibgħuta.
Fil-qosor, aħna lkoll responsabbli li bħal Ġesù, il-Mibgħut, inwasslu din l-imħabba li biha jħobbna l-Missier sa truf art kollha.