Għalaqna sena l-Ħadd li għadda u se niftħu oħra għada. Ma nistgħux nibdew sena, imma jekk ma niftakrux li aħna mhux maħluqin għal hawn. L-Evanġelu jfakkarna f’dan.

L-Evanġelu jitkellem dwar l-aħħar miġja ta’ Ġesù (il-parousia), b’diskors li Ġesù qalu lil ftit dixxipli ftit qabel l-arrest tiegħu. Iwissi b’dieqa, u jirreferi għal silta mit-Testment il-Qadim. Il-perikli tal-bniedem illum huma l-istess ta’ żmien Noè. Il-parousia, bħad-dulluvju, se ssib ħafna nies fuq sieq waħda.

Żminijietna, bħal żmien Ġesù, huma żminijiet t’aljenazzjoni u ta’ distrazzjoni. Dak kollu li nagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum mhuwiex ħażin fih innifsu, imma fis-superfiċjalità jsiru simboli ta’ faqar spiritwali. Nitilfu ċ-ċans li naħdmu fuqna nfusna u fuq ir-relazzjoni tagħna m’Alla.

Attenti, għalhekk, li quddiem il-parousia u l-mewt ma ninqabdux mill-indifferenza.

‘Għad fadal!’ Il-mewt ma tantx naħsbu dwarha. Dik l-indifferenza. Kollha għandna tul ta’ żmien differenti, u kollha niltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet ta’ mewt li jpoġġuna f’sensina. Kollha għandna biljett, u kollha rridu mmorru, imma l-ħinijiet tal-passaġġ huma differenti.

‘Bniedem avżat, nofsu armat,’ jgħid il-Malti, imma biex inkunu armati rridu naħdmu fuqha wkoll. Id-dixxiplu vera, għalhekk, ma jkunx għal kollox sorpriż meta jasal il-mument tal-verità, imma jista’ jilqa’ dil-laqgħa m’Alla.

Ħafna nies jagħżlu li jħallu lill-mewt barra mid-diskussjoni. Irridu ngħixu mhux BISS mingħajr tbatija imma mingħajr ħsibijiet, illupjati, maqtugħin mir-realtà. Mhux lesti nistennew u li nbatu għal xi ħaġa. Forsi għalhekk madwarna naraw l-iżvalutar tal-persuna, forsi għalhekk naraw il-korruzzjoni.

Imma ma ninsewx li l-aqwa mhijiex li nkun moqdi jien. Wara dil-ħajja, hemm oħra. Mhux ngħiduha, imma nemmnuha. Ħafna drabi niġġustifikaw l-aġir tagħna u nnaqsu l-ħtija tagħna, imma aħna kapaċi nerfgħu responsabbiltà għal dak li nagħmlu u dak li ma nagħmlux?

Hemm bżonn ngħixu f’sensina: hemm bżonn inkabbru r-relazzjoni tagħna m’Alla, hemm bżonn noqogħdu attenti għal dak li jagħmel Alla magħna u madwarna, fid-dinja.

____

L-Evanġelju tal-Ewwel Ħadd tal-Avvent (Mt 24:37-44)

Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewwġu u jżewwġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Mbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla. Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

Comments