“Ħabib, irrid inservik!”

Ħabib, irrid inservik!

F’April li għadda, filwaqt li ħafna kienu maħsuda bin-nar li ħakem lill-Katidral ta’ Notre Dame ġewwa Pariġi, ħafna wkoll tkellmu dwar Fr Jean-Marc Fournier, is-saċerdot stazzjonat mal-pumpiera tat-tifi tan-nar, li daħal ġewwa l-Katidral sabiex, fost l-oħrajn, isalva l-Ewkaristija. Fr Fournier tkellem hekk dwar dak li ġara:

“…tifhem li hija tassew kiefra tara lil xi ħadd li tħobb jinqered fin-nirien. Aħna l-pumpiera spiss naraw vittmi tan-nar u nafu xi jsarraf; għal din ir-raġuni fittixt li fuq kollox insalva il-preżenza reali tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu.”

Irriflettejt dwar il-kliem u l-azzjoni ta’ Fr Fournier hekk kif kont qed inħejji ruħi sabiex nirċievi l-Ministeru tal-Akkolitat minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna. Kemm il-kliem tiegħu u kif ukoll l-azzjonijiet tiegħu huma turija sabiħa ta’ fidi totali li dak li nirċievu waqt il-Quddiesa huwa verament il-ġisem ta’ Kristu mogħti għalina, u kemm jitlob minna mħabba u sagrifiċċji. Permezz tal-għoti ta’ dan il-Ministeru jien u sħabi ngħatajna d-dmir li nħejju l-artal għaċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, li nqarbnu lil ħutna, u li filwaqt li nimmeditaw dwar dan il-misteru nagħrfu nħobbu iżjed lill-Knisja kollha (li hija wkoll il-Ġisem Mistiku ta’ Kristu), speċjalment lid-dgħajfin. Waqt l-omelija l-Arċisqof għamel referenza għall-Evanġelju ta’ San Ġwann, meta Ġesù spjega lid-dixxipli li mhumiex biss ‘qaddejja’ imma wkoll ‘ħbieb’ tiegħu. Jeħtieġ li nkunu lesti nidħlu fin-nar, forsi mhux biex insalvaw lil Ġesù fl-Osja Mqaddsa, imma lil ħutna li jinsabu meqruda fin-nar tat-tbatija. Imma biex nagħmlu dan irridu l-ewwel nidħlu f’din ir-relazzjoni ta’ mħabba ma’ Ġesu nniffsu mogħti lilna fl-Ewkaristija, irridu l-ewwel insiru ‘ħbieb’ u mbagħad nsiru ‘qaddejja’. Forsi diffiċli ngħid “Jien qaddej tiegħek”, imma hija eħfef li ngħid, “Ħabib, irrid inservik!”