Il-bennejja (Lq 21:5-19)

Il-bennejja (Lq 21:5-19)

Aħna u niftakru li ħajjitna hi vjaġġ, niftakru li Ġesù wkoll qiegħed fi vjaġġ lejn Ġerusalemm, u Luqa jiddedika għaxar kapitli għal dan il-vjaġġ.

Ġesù jaħsad lin-nies ta’ żmienu għax ħadd ma jitratta d-dar t’Alla bil-mod li tkellem dwaru hu. Waqt li wħud min-nies setgħu ħasbu li Ġesù qiegħed anke jidgħi, madankollu Ġesu jfittex li jsaffi l-ideat tagħhom tat-tempju; dak li naraw għad jispiċċa biex jagħmel spazju għal xi ħaġa aqwa u aħjar.

Ġesù ma jinteressahx mid-data ta’ meta dan se jseħħ, imma minn x’wieħed għandu jagħmel f’dan iż-żmien ta’ bidla minn reliġjon li bbażat fuq it-Tempju li bħal donnhom iżommu ‘l Alla kwiet bit-tiżjin, li jitimgħuh biex jibqa’ kwiet, għal reliġjon bbażata fuq il-verità. Hawnhekk niftakru f’dak li Alla kien qal lill-poplu Lhudi permezz tal-Profeta Hosegħa (6:6): “jiena tjieba rrid, mhux sagrifiċċju.”

Dak li se jseħħ, allura, biex jinbidel l-andament tad-dinja kif qed timxi. Kif, imma, se naqraw is-sinjali taż-żminijiet? Aħna rridu nkunu bennejja ta’ dinja ġdida.

Hemm ġdid li jista’ jkun parti mill-attitudni l-qadima, li jista’ jkun estensjoni tal-qadima. Li r-reliġjon hu xi siġġu tal-poter hi idea żbaljata u hi reliġjożità li waslet fi tmiemha. Ġesù fejn jixtieq jiġbdilna l-attenzjoni? L-istedina ta’ Ġesù hi li ninċensaw lil Alla bl-imħabba u djalogu universali.

Biex nagħmlu dan se nduqu minn dak li għadda minnu Hu. Nistaqsi, imma, jekk hux ippersegwitat għax tlift it-togħma tal-ġdid jew għax jiena dixxiplu. Il-persekuzzjoni tista’ tkun opportunità ta’ xhieda. Id-dixxiplu mhux imsejjaħ biex jirbaħ, imma biex jikkonvinċi bl-imħabba.

Għalhekk, hemm bżonn inneħħu l-velu li jżommna milli naraw kif jara Alla. Hemm bżonn niftakru li l-purtiera tat-tempju, eventwalment, iċċartet fi tnejn. Hemm bżonn niftakru li l-ġebla kienet mgerba minn quddiem il-qabar.

Insaħħu qlubna, għax minkejja t-theżżiż, Ġesù jagħlaq bi kliem ta’ konsolazzjoni.

Quddiem dan kollu, fuqhiex nibnu t-tempju tagħna, ir-relazzjoni tagħna m’Alla? X’theżżiż nirċievi m’għand Alla biex inħalli warajja lill-bniedem il-qadim? Nemmen fil-wegħdi t’Alla?

____

L-Evanġelju tat-Tlieta u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena (Lq 21:5-19)

Kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kull ma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx.”

U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?” Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu,’ u, ‘Iż-żmien wasal.’ Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih.” Mbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżheż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali ta’ l-għaġeb. Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih. U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sa l-aħħar issalvaw ħajjitkom!”