Fost diversi riflessjonijiet li wieħed jista’ jagħmel dwar l-Evanġelu tat-32 Ħadd, insibu dawn it-tnejn li ġejjin:
1. Il-bnedmin ħutna li ħallew din il-ħajja qabilna, filfatt għadhom qed jgħixu; huma għadhom ħajjin fil-Mulej;
2. Iċ-ċiniċiżmu, speċjalment fil-ħwejjeġ li jikkonċernaw il-fidi, ifixkel l-isforzi tagħna biex naslu għall-veritajiet qaddisa.
Meta wieħed jagħrbel sew il-kliem ta’ Ġesu, jinduna kemm ma nistgħux napplikaw kriterji umani biex nitgħallmu dwar il-ħajja l-oħra. Bażikament Ġesù jafferma li fil-ħajja l-oħra, “Dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, la se jżewġu, lanqas jiżżewġu. Huma ma jmutux iżjed!”. Hawnhekk Ġesù qed jimplika li l-għira, l-esklużjoni u kull ħaġa li ddallam u ttappan ir-relazzjonijiet bejnietna l-bnedmin f’din il-ħajja, mhux se jkun hemm posthom fil-ħajja l-oħra. Il-ħajja fil-Ġenna hija eterna, u la m’hemmx mewt, lanqas se jkun hemm bżonn il-prokreazzjoni.
Ġesù jipprova juri lis-Sadduċej li l-argumenti tagħhom dwar ir-resurrezzjoni u l-ħajja f’dinja oħra, huma difettużi. Ġesù jressaq provi kontra l-argumenti tas-Sadduċej proprju mill-iktar ħaġa għażiża li kellhom huma stess bħala bażi ta’ twemminhom, it-Torah (l-ewwel 5 kotba tal-Bibbja). Interessanti illi s-Sadduċej jinnegaw ukoll l-eżistenza tal-anġli.
Is-suppervja, ir-ras iebsa u ċ-ċiniċiżmu huma ostakli biex il-grazzja tal-Mulej Alla taħdem fina.
Naturalment, irridu nżidu wkoll, illi dan it-twemmin tagħna ma jiswa xejn jekk l-għemejjel tagħna matul din il-fażi preżenti tal-ħajja tagħna, li hija biss transitorja, ma jkunux konformi mal-prinċipji rivelati lilna mill-profeti fl-Antik Testment u ipperfezzjonati mis-Sinjur tagħna Ġesù Kristu fil-Patt il-Ġdid.
____
L-Evanġelju tat-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena (Lq 20:27-38)
Mela resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem,” qalulu,”Mosè ħallielna miktub, ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.’ Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa din, fil-qawmien ta’ l-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewwġuha.” Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewwġu u jżewwġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla ta’ l-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa hu m’huwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.”