Il-folla (Lq 19:1-10)

Il-folla

Fl-Evanġelju tiegħu Luqa jurina l-laqgħa ta’ Kristu mal-midneb: jurina lil Kristu jsalva lil min hu mitluf. Mhemm l-ebda kundizzjoni umani li Alla ma jistax jidħol fiha. Hawn għandna l-għan tal-Inkarnazzjoni t’Alla.

F’kapitlu tmintax naraw lil Ġesù jgħallimna fuq it-talb, ikellimna fuq l-attitudni tat-tfal u tal-għonja, it-tielet tħabbira tal-Passjoni u l-għama. Dawn kollha huma mfissra u nistgħu narawhom fil-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Żakkew f’kapitlu dsatax.

Il-folla waqqfet lill-għama; l-istess lil Żakkew, minħabba l-identità tiegħu għax kien pubblikan. L-isem Żakkew ifisser ‘pur’; għalhekk, meta għandna lil Żakkew il-Pubblikan, għandna l-pur l-impur. L-isem Żakkew, għalhekk, jiġbor ukoll il-ħajja tagħna: aħna midinba imma maħbuba minn Alla.

Li tkun fil-folla kultant aktar faċli tibqa’ mitluf. Faċli tesperjenza lil Alla b’mod impersonali, li tkun taf dwar Alla imma mhux lil Alla. Hemm is-sensazzjoni fil-folla. Żakkew bata minn tul fiżiku u tul spiritwali. Id-dnub mikxuf tiegħu tant kien pubbliku li kkundizzjonah u li ma kenitx faċli għalih jiltaqa’ ma’ Ġesù. Ilkoll spiritwalment qosra u għandna bżonn noħorġu mill-folla.

Żakkew, bħal tifel, jitla’ ma’ siġra. Ix-xewqa għal Ġesù għamel affarijiet straordinarji u b’umiltà għaraf il-vulnerabbiltà tiegħu. Is-siġra tat-tin issir il-post tat-talb, tal-istennija, tal-umiljazzjoni. Fid-dgħufija tagħna tintwera l-qawwa t’Alla.

Naf li qasir spiritwalment? Nipparteċipa fil-folla? Inħares lejn nies u ngħid li m’għandhomx ikollhom esperjenza ta’ Ġesù? Hemm siġra tat-tin fil-ħajja tiegħi? Dal-ferħ ta’ Żakkew mil-laqgħa ma’ Ġesù nistgħu nwassluh mal-oħrajn.

____

L-Evanġelju tal-Wieħed u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena (Lq 19:1-10)

Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ‘l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi. Ġesù, kif wasal hemm, ħares ‘il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.” Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. In-nies, meta rawh, lkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ. Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd inroddlu għal erba’ darbiet iżjed.” Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.”