Il-Knisja fis-soċjetà

Il-Knisja fis-soċjetà

F’dawn il-jiem fis-Seminarju qed ikollna laqgħat ta’ formazzjoni dwar l-irwol tal-Knisja fis-soċjetà.

Il-ġimgħa l-oħra, nhar l-Erbgħa, 20 ta’ Novembru 2019, kellna laqgħa dwar l-analiżi tal-Knisja u l-Istat mis-snin sittin ’il hawn, mill-Professur Joe Pirotta. Illum, l-Erbgħa, 27 ta’ Novembru 2019, se jkollna laqgħa dwar is-soċjetà kontemporanja u l-post tal-Knisja fis-soċjetà tal-lum, mill-Professur Edward Warrington.

L-għan ta’ dawn il-laqgħat hu li bħala seminaristi f’Malta nifhmu aktar b’mod oġġettiv l-istorja ta’ pajjiżna u s-sehem tal-Knisja f’din l-istorja, u ningħataw l-għajnuna biex kemm jista’ jkun inkunu kapaċi nifhmu dak li għaddejjin minnu bħala pajjiż u biex ikollna l-għodda biex bħala Knisja nkunu kemm jista’ jkun nistgħu naqraw is-sinjali taż-żminijiet.

Filwaqt li hu importanti nkunu nafu x’ġara u nistaqsu dwar il-motivazzjonijiet għaliex ġara dak li ġara, qabel xejn biex nitgħallmu mill-istorja tagħna, hu wkoll importanti li nibqgħu nistaqsu fuq min hi l-Knisja, u fuq kif il-Knisja tista’ taqdi aħjar il-missjoni tagħha fis-soċjetà Maltija li għaddejja minn bidliet kbar fi żmien qasir ħafna.