F’dan l-Evanġelju naqraw tliet provi differenti minn persuni differenti li jisfidaw lil Ġesù dwar il-fatt li hu l-midluk t’Alla: is-suldati; Pilatu, li nafu li kiteb it-tabella; u l-ħalliel. F’dawn il-provi għandna eku tat-tentazzjoni fid-deżert, imma għax Ġesù hu l-midluk t’Alla, Ġesù jaċċetta r-rieda tal-Missier.
Kontra strumenti oħra ta’ tortura, is-salib iqanqal emozzjonijiet li mhumiex ta’ stmerrija. Imma anke quddiem is-salib aħna mistiedna nidħlu fil-ħsieb Lhudi. Fil-ktieb tad-Dewteronomju, kapitlu 21, naqraw li l-imsallab, mhux talli mhuwiex il-midluk t’Alla imma u saħansitra misħut.
Ma’ dan nistgħu nirriflettu fuq il-kelma ‘illum,’ li hi l-istess kelma li fl-Evanġelju ta’ Luqa tindika hi s-salvazzjoni; insibuha fit-tħabbira tat-twelid ta’ Ġesù mill-anġli, minn Ġesù nnifsu wara li qara silta mill-ktieb tal-Profeta Iżaija fis-sinagoga, u anke, fost l-oħrajn, fl-istorja ta’ Żakkew.
Dawn iż-żewġ punti jfakkruna li s-salvazzjoni nsibuha fejn l-inqas li nistennewha. L-inqas persuni li naħsbu li jistgħu jwasslu veritajiet ikunu dawk li juruna veritajiet li l-anqas aħna stess nibdunaw bihom.
Ir-realtà ta’ Kristu msallab tfixkilna. Kristu jibqa’ sieket tul ir-rakkont tal-passjoni. Min-naħa tagħna, din hija stedina biex inlestu lilna nfusna biex naċċettaw affarijiet li ma nistgħu nagħmlu xejn dwarhom. Dejjem se jkun hemm nies li jibqgħu ma jifhmux il-ħajja li hi ankrata fl-Evanġelju.
Quddiem dan kollu jibqa’ s-salib. Ġara hekk lil Ġesù, ma jiġrix hekk lilna?
Minħabba f’hekk, ir-renju ta’ Ġesù hu renju ta’ taħt fuq. Il-maqtul jirbaħ fuq min joqtol. Il-ħajja nisranija tingħax bit-tensjoni bejn it-toqol li ġġarbu u l-qawwa ta’ Kristu, bejn is-salib u l-qawmien. Fil-pomposità ta’ din is-solennità, niftakru li dan il-passaġġ tal-glorja hemm bżonn ngħadduh bis-salib. Huwa biss meta hemm il-qabar magħluq li wara tista’ tinduna bil-qawmien.
It-triq il-ġdida mhux dejjem nistgħu nimmaġinawha. L-uniku setgħa li tirbaħ lill-mewt hi l-imħabba, is-subordinazzjoni tal-jien quddiem il-Ħallieq. Nagħrfu li jekk inkunu kapaċi nirbħu bl-imħabba fuq il-mewt, mill-mewt u minn strument ta’ tortura tinbet il-ħajja.
____
L-Evanġelju fis-solennità ta’ Sidna Ġesu Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu (Lq 23:35-43)
Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!” Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newwlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!” Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, ‘Dan huwa s-sultan tal-Lhud.’
Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajjru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.” Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kull ma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.” Mbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.”