X’nista’ nagħmel biex nagħraf is-sejħa tiegħi? Kif nista’ nasal biex nagħraf Alla x’irid minni? Jekk inti qiegħed tistaqsi dawn il-mistoqsijiet, mela nistiednek għall-attivitajiet illi jkollna ta’ kull xahar fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet bis-sehem tagħna s-seminaristi.

Matul din is-sena qegħdin isiru weekends vokazzjonali għal subien minn Year 7 sal-ġuvintur illi għalqu 18–il sena ‘l fuq. L-attivitajiet huma mqassmin b’tema partikolari li jintrabtu mal-esperjenzi personali tal-vokazzjoni u mal-identità tal-qassis djoċesan. Dawn it-temi huma mnebbħin mill-aħħar Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Christus Vivit.

L-attivitajiet mill-Year 7 sal-Year 9 huma immirati biex wieħed jagħraf l-identità tiegħu. Huwa essenzjali illi wieħed ikun kapaċi jagħraf it-tajjeb illi għandu biex b’hekk jiskopri li dan kollu huwa rigal mogħti mingħand Alla. Għalhekk, meta l-Papa jsemmi kif il-qaddisin żgħażagħ għexu l-awtentiċità tagħhom, dawn jistgħu jkunu ta’ ispirazzjoni għal kull Nisrani biex jagħraf l-identità tiegħu u “jaqgħiluna min-ngħas tagħna” (Christus Vivit nru. 49).

Meta nagħraf jien min jien, inkun kapaċi nagħraf aħjar Alla x’irid minni u b’hekk nimxi fid-direzzjoni t-tajba. Għalhekk, il-live-ins illi jsiru fil-weekend, ispirati minn Kapitlu 8 ta’ Christus Vivit, jgħinu lill-adoloxxent jagħraf illi Alla qiegħed isejjaħlu biex jikber kemm fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla kif ukoll mal-oħrajn.

Dan kollu għandu jwassalna biex flimkien niddixxernu din is-sejħa. Għalhekk, fid-dawl tal-Kapitlu 9 ta’ Christus Vivit, il-grupp ta’ 18 -il sena ‘il fuq jiltaqa’ l-Ġimgħa filgħaxija biex jikber fl-għarfien tiegħu ta’ din is-sejħa u jifforma l-kuxjenza tiegħu. Dawn il-weekends vokazzjonali huma opportunità unika biex fid-diversi laqgħat u attivitajiet interessanti wieħed isir jaf ftit iktar fuqu innifsu, fuq Alla u anke jagħmel ħbieb ġodda. Għalhekk, wieħed m’għandux għax jitlef din l-okkażjoni ta’ darba fix-xahar!

Il-Mulej qiegħed isejjaħ… se nwieġeb?

Comments