Fl-ewwel vers, Mattew jistabbilixxi lil Kristu bħala l-Messija permezz tal-prekursur, il-milja tat-Torah. Naraw lil Ġesù bħala l-milja tal-liġi. Naraw ukoll, Iżda, lil Ġwanni jissodisfa l-aħħar profezija ta’ Malakija (3:23): “Ara, jiena nibagħtilkom ‘l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej u Jum il-biża’.” L-istaġun qaddis tal-Milied, jgħid Karlu Borromeo, mhuwiex validu biss għal dawk li għexu elfejn sena ilu, imma l-qawwa tiegħu għadna nibbenefikaw minnha llum.

Bil-figura ta’ Ġwanni l-Battista fit-tieni u fit-tielet Ħadd tal-Avvent għandna mudell li ta’ min nimxu fuqu: il-magħmudija ta’ Ġesù minn Ġwanni tagħlaq żmien il-Milied, imma f’dan iż-żmien naqraw ukoll kif Ġwanni jaqbeż bil-ferħ fil-ġuf t’ommu, naqraw dwar Ġwanni li jxandar lil Ġesù fid-deżert u naqraw ukoll kif bil-mewt tiegħu, Ġwanni anke jqarreb lil Ġesù lejn il-mewt tiegħu.

Fis-silta li l-Knisja tippreżentalna llum naraw lil Ġwanni aktar sorpriż milli dubjuż. Ġwanni jistenna l-Messija politiku, il-ħelsien mir-Rumani. Ġwanni ma jaċċettax lill-Messija mill-ewwel, u bħal donnu jwissina li wisq ċertezzi fil-fidi tindika biża’ mill-ħsieb profond. Id-dubju, għalhekk, hu normali sakemm ma jsirx ċiniċiżmu. Irridu nerġgħu niskopru – u naċċettaw – l-stagħġib quddiem il-misteru, bħal uġigħ tal-ħlas li jwassal għal fidi profonda.

Nagħmlu differenza, għalhekk, bejn indiema imperfetta (għax nibża’ mill-infern) u dik perfetta (għax inqast ‘l Alla). Waħda twassal għall-oħra, imma l-Evanġelju tal-lum ifakkarna li mhemmx qdusija mingħajr ċaħdiet. Ġwanni l-Battista jgħallimna ħafna fuq il-kuraġġ, fuq li ma nibżgħux mill-persekuzzjoni. Il-fidi hija li anke meta nkunu għaddejjin minn ċirkustanzi diffiċli – għaddejjin mid-deżert tagħna – nemmen li għad nara ‘l Alla wiċċ imb wiċċ.

____

L-Evanġelju tat-Tielet Ħadd tal-Avvent (Mt 11:2-11)

Ġwanni, li kien fil-ħabs sama’ bl-għemejjel al-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesù wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar ill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!” Meta dawk telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub,

‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar
tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.

Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.

Comments