Dan is-sajf l-animaturi tas-Seminarju talbuni sabiex, barra li nservi fil-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn, inkun ukoll wieħed minn dawk li jmexxu wieħed mill-gruppi tal-abbatini li jitilgħu jagħtu servizz liturġiku ġewwa l-Vatikan. L-iskop li seminarista jakkumpanja dawn il-gruppi huwa wieħed vokazzjonali, bit-tama li frott il-preżenza ċkejkna tagħna l-abbatini jitħajru jikkunsidraw is-sejħa saċerdotali. Għalija nista’ ngħid li kienet esperjenza pożittiva ħafna li minnha rċivejt bosta grazzji. Rajt diversi ġuvintur żgħar li lesti jaħdmu bis-serjeta’ għal għan li jixtiequ jilħqu, filwaqt li kont xhud ukoll ta’ kemm is-sapport tal-familji tagħhom kien essenzjali sabiex esperjenza bħal din tkun possibli. Filwaqt li nirringrazzja ‘l Alla ta’ kemm irċvejt grazzji biex inkompli nikber fil-vokazzjoni tiegħi permezz ta’ din l-esperjenza, nitolbu jkompli jżomm idejH fuq il-familji kollha, sabiex frott il-fidi li jgħixu jkomplu jrabbu tfal li lesti jisimgħu u jaħdmu biex isseħħ ir-rieda t’Alla f’ħajjithom.
Dan l-artiklu ġie ppubblikat għall-ewwel darba fil-fuljett Is-Seminarju (Diċembru 2019).