“Hawn Jien”

“Hawn Jien”

L-istqarrija “Hawn Jien” insibuha f’diversi mumenti fl-Iskrittura Mqaddsa bħala tweġiba fejn il-Mulej ikun sejjaħ lill-persuna b’isimha. Biex wieħed jistqarr dan il-kliem jirrekjedi ħsieb u dixxerniment li ħafna drabi jqajjem mistoqsijiet kbar ukoll. Meta ħafna affarijiet madwarna ma jagħmlux sens, forsi l-għażla hi tweġiba ta’ gratitudni: li wieħed jew jirrabja u jippretendi, jew li jaċċetta li dak kollu li għandu u li jgħaddi minnu, tajjeb u ħażin, ingħata lilu, għax “[Ħ]add ma jista’ jirċievi xi ħaġa jekk ma tingħatalux mis-sema” (Ġw 3:27).

Nhar il-Ħadd 5 ta’ Jannar, għall-ewwel darba b’mod pubbliku għamilna din l-istqarrija quddiem il-Knisja u Monsinjur Arċisqof, fejn tlabnieh jilqagħna bħala Kandidati għall-Ordinazzjoni tad-Djakonat u l-Presbiterat. Dan huwa l-ewwel pass tagħna fejn aħna wkoll wegħdna li ser inkomplu nħejju ruħna fil-formazzjoni bħala seminaristi f’dawn is-snin li ġejjin. Fl-omelija Monsinjur Arċisqof talab li f’din il-mixja nkomplu nitgħallmu mill-Mulej Ġesù, “dawl minn dawl,” kif inkunu mexxejja denji biex nirgħu l-poplu tiegħu.

Sean Abela u Jean Claude Attard
Seminaristi tal-Ħames Sena

Ritratt: Kurja