Ġesù li kien moħbi mill-infanzja tiegħu sa issa jagħżel li jibda l-ministeru pubbliku tiegħu fil-Ġordan fejn Ġwanni kien qed isejjaħ għall-indiema u jgħammed. Proprju Ġesù jibda l-ministeru tiegħu fil-post fejn l-iktar kien hemm stennija għaliH.
L-ilma tal-Ġordan, bħal xmajjar kbar oħra, jagħti l-ħajja lill-art u għadu hekk sal-lum. Infatti dan l-ilma nistgħu naraw fih l-ilma tat-tisfija, ħelsien mill-ħmieġ tal-imgħoddi li jtaqqal lill-ħajja, li jagħti ħajja ġdida, bidu ġdid u frisk. Dan huwa rifless fit-teoloġija Nisranija tas-sagrament tal-magħmudija.
Papa Franġisku jagħmel din ir-riflessjoni: qabel Kristu niżel fl-ilma huwa niżel mal-poplu, mal-poplu li jagħraf li hu midneb u allura għandu bżonn tas-salvazzjoni. Ma kienx il-bżonn li jitgħammed li ħa lil Ġesù hemm iżda bżonn li jkun mal-poplu, u li jibda l-ministeru tiegħu b’dan l-att kbir t’umiltà.
Ġwanni jagħraf mill-bidu li Ġesù huwa l-ħaruf nadif u pur, li ġie biex ineħħi d-dnubiet tad-dinja, tant li ma jaċċettax fil-bidu li jgħammed. Ġwanni jirrealizza li hu ma jistħoqqlux dan l-unur, li hija xi ħaġa kbira wisq għalih, bħal ommu Eliżabetta li tirċievi għandha lil Marija: “U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi?” (Luqa 1:43).
San Ġwann Grisostmu jikteb hekk: “inżul u l-ħruġ mill-ilma huma x-xbieha tal-inżul fl-infern u tal-qawmien mill-mewt.” Fil-fatt, mal-mument li Ġesù tgħammed fl-ilma tal-Ġordan, is-sema jinfetaħ u hawn naraw il-glorja t’Alla fl-aqwa tagħha. Papa Franġisku jgħid hekk: “is-smewwiet infetħu għaliex id-dinja ssir il-post tal-laqgħa bejn Alla u l-bniedem.”
Bħalma fil-bidu tal-ħolqien l-Ispirtu jittajjar fuq l-ilmijiet issa jerġa’ jittajjar fuq il-ħolqien ġdid f’Ġesù Kristu. Il-Missier ukoll juri ruħu permezz ta’ leħen. Il-leħen li ħalaq kollox fil-bidu issa jistqarr li Ġesù huwa Ibnu u li permezz tiegħu huwa jitgħaxxaq. Il-leħen li fil-passat iggwida lill-poplu Lhudi issa qed jippreżentalna lill-Ibnu stess. Jippreżenta lill-Ibnu bħala l-medjatur bejnU u bejn il-bniedem, li jieħu fuqu s-salvazzjoni tal-bniedem.
____
L-Evanġelju fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej (Mt 3:13-17)
Mbagħad ġie Ġesù mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u int tiġi għandi?” Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu biex intemmu s-sewwa kollu.” Mbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.
Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi.”