Meta ġieli tkellimt ma’ ta’ qabli dwar is-sena intermedjarja kienu jgħiduli: “Għożżha din is-sena għax hi opportunità li tiġik darba biss!” U hekk hu! L-iskop ta’ din is-sena hi li tgħin lis-Seminarista jirrifletti aħjar fuq il-vokazzjoni u biex ikompli jikber fl-aspetti tal-formazzjoni.
Is-Sena bdejtha b’sitt xhur xogħol bħala kaxxier. Kienet opportunità sabiħa li wasslitni li nitlaqa’ ma’ ħafna nies. It-Tieni parti kienet esperjenza pastorali ta’ 4 xhur ġewwa l-Parroċċa tas-Santissimu Sagrament f’Ruma. Wara dawn ix-xhur għamilt esperjenza ġewwa l-Isptar Monte Carmeli fejn kont immur niltaqa’ mal-pazjenti. Huwa post fejn verament tiltaqa’ ma’ Ġesu’ fil-batut. Għalaqt din is-sena permezz ta’ irtir fejn kelli ċ-ċans nirrifletti fuq dak li għaddejt minnu u kif il-Mulej iridni nkompli din il-mixja ta’ formazzjoni li twassal għas-saċerdozju.
Dan l-artiklu ġie ppubblikat għall-ewwel darba fil-fuljett Is-Seminarju (Diċembru 2019).