Evanġelju bħal ta’ nhar il-Ħadd bħal donnu mill-bidu nippreferu li ma nisimgħuhx! Minħabba li hu dirett ħafna u għax jagħmilna skomdi, forsi ma neħduhx bis-serjetà. Bħal donnu nippreferu li f’mumenti iebsa ma jkunx hemm għażla, għax aktar faċli nagħżlu l-faċli. Donnu nippreferu li ma nkunux nafu li hemm alternattiva.

U l-alternattiva ta’ Ġesù hi kreattiva. Kif nistgħu, kif naqraw aktar tard (Mt 10:16), inkunu għaqlin bħas-sriep imma safja bħall-ħamiem? Ġesù jirradikalizza t-Testment il-Qadim, u jkun prattiku billi jħeġġiġna biex mhux noqogħdu għal kollox imma billi niksru l-katina tal-ħażen bit-tajjeb flok bil-ħażin.

Dan kollu jfakkarna fil-maħfra u fil-Qrar, frott ir-relazzjoni ma’ Ġesù. Kemm Żakkew u kemm is-Samaritana, per eżempju, ixandru u jagħmlu t-tajjeb biex ipattu għall-ħażin li jkun sar. Anke fi żminijietna, nisimgħu b’ħafna nies li jaħfru lil min ikun għamlilhom id-deni għax huma nsara: mhux għax huma aħjar mill-oħrajn, imma bi Kristu. Dak li jista’ jidher dgħufija tista’ tkun arma qawwija: is-suppervja tintrebaħ bl-umiltà; il-vizzji jintrebħu bil-virtù.

Il-mistoqsija hija, allura: kif nistgħu nkunu perfetti? Ġesù stess jistedinna nkunu hekk fl-aħħar tal-Evanġelju tal-lum. It-tweġiba hi aktar sempliċi milli nistgħu nimmaġinaw. Il-mistoqsija tagħna nistgħu nweġbuha b’mistoqsija oħra: kif nistgħu nsiru nixbħu lil Ġesù?

L-imħabba tiġbor fiha l-virtujiet kollha, imma l-imħabba umana trasformata mill-imħabba ta’ Kristu m’hijiex imħabba mingħajr salib, mingħajr il-mewt. Ir-rivelazzjoni kbira tal-Evanġelju hi, fil-fatt, li l-imħabba mhux biss hi qawwija biex tirbaħ fuq il-ħażen, imma wkoll tfejjaq, tagħti l-ħajja, u tagħmel affarijiet li ma nimmaġinawx.

Il-perfezzjoni, għalhekk, hi marbuta mas-sempliċità, ma’ li tħalli lil Kristu jibdlek fih u b’hekk issir tixbħu. Nistgħu nkunu perfetti biss billi nserrħu fuq Alla. L-imħabba tgħaqqad, u minn tnejn tagħmel wieħed, anke fir-relazzjoni tagħna m’Alla. Naraw fil-ħarsa t’għajnejn l-oħrajn il-ħarsa ta’ Kristu li jaħfer u jħenn? Ħaddieħor jara dan fina?

Nitolbu biex nimitaw aktar lil Kristu, insiru nixbħuh u bl-għajnuna tiegħu nkunu perfetti, biex ma nirrifjutawx il-grazzja, u ma nibżgħux inkunu vulnerabbli, għax hu propju meta nagħrfu nkunu vulnerabbli nistgħu nkunu salvati. Jalla naslu biex bħal San Pawl ngħidu “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 2:20).

____

L-Evanġelju tas-Seba Ħadd matul is-Sena A (Mt 5:38-48)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu xi ntqal: “Għajn b’għajn u sinna b’sinna”. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

Smajtu xi ntqal: “Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek”. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

Comments