Wara s-sena propadewtika f’Settembru li għadda bdejt l-ewwel sena tiegħi fis-Seminarju. Dan huwa pass ġdid fil-ħajja tiegħi. Pass li diġà qiegħed nara l-frott tiegħu.
Is-sena propadewtika tiegħi fost ħafna affarijiet oħra kienet tikkonsisti f’esperjenza ta’ xogħol, f’lezzjonijiet fil-lingwi tat-Taljan u tal-Latin u f’ korsijiet dwar il-ħajja spiritwali u dwar il-formazzjoni umana. Matulha kelli wkoll irtiri u fis-sajf ħadt esperjenza ta’ pastorali maż-Żagħażagħ Azzjoni Kattolika (ŻAK). Nista’ ngħid li fuq kollox is-sena propadewtika għenitni ħafna fejn tidħol il-ħajja spiritwali u d-dixxerniment tal-vokazzjoni tiegħi. Għenitni noħloq mill-ġurnata tiegħi ritmu ta’ talb u nsir naf iżjed lili nnifsi.
Issa li bdejt l-ewwel sena qed napprezza iżjed il-ġmiel tal-komunità tas-Seminarju fejn flimkien nitolbu, nistudjaw, niffurmaw irwieħna u niċċajtaw bejnietna. Għalkemm kull ma għadda minn din is-sena huma biss ftit ġimgħat inħoss li bl-għajnuna ta’ Alla u ta’ Ommna Marija, s-Seminarju diġà għallimni ħafna u għenni fil-mixja tiegħi wara Ġesù.
Dan l-artiklu ġie ppubblikat għall-ewwel darba fil-fuljett Is-Seminarju (Diċembru 2019).