L-Evanġelju tal-ewwel ħadd tar-Randan ifakkarna li d-deżert mhux post partikulari, imma stat ta’ tiġrib. Mattew kiteb għal udjenza Lhudija, b’ħafna referenzi għal-Liġi u għal-Lhud fid-deżert. Id-deżert hu l-prova, kif naqraw fil-ktieb tad-Dewteronomju (8:2): “Ftakar fil-mixja kollha li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek, matul dawn l-erbgħin sena fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x’għandek f’qalbek, jekk tridx toqgħod għall-kmandamenti tiegħu jew le.”

Interessanti li l-irwol ta’ dak li jġarrab, qabel l-eżilju, hu t’Alla. Wara jkun ix-xitan li jġarrab, kif naraw fl-istejjer ta’ Ġob u Żakkarija. Din tfakkarna li l-prova hi opra t’Alla, li Alla li għadu fil-kontroll. L-irwol tax-xitan bħala t-tentatur, għalhekk, hi f’kuntrast mal-identità ta’ Ġesù bħala bin Alla. Id-dubju jkun it-tema ċentrali f’din il-konfrontazzjoni.

Mattew mill-ewwel jippreżenta lil Ġesù bħala Mose l-ġdid. F’kapitlu 9 (vers 9) tad-Dewteronomju naqraw li Mosè wkoll sam 40 jum u lejl.

Alla provda l-manna lil-Lhud fid-deżert. Ġesu se jagħmel l-istess? Quddiem il-prova tal-manna, il-poplu weħel u tfixkel, għalhekk Ġesù jwieġeb b’ Dewteronomju kapitlu 8, vers 3. Ifakkarna li Alla jgħallem li l-aktar essenzjali hi l-Kelma t’Alla.

It-tieni tentazzjoni hi tentazzjoni bħal ta’ qabilha: hemm dubju fuq l-identità ta’ Ġesù. Did-darba, iżda, ix-xitan jattakka bl-Iskrittura, b’Salm 91. Dan kollu kliem ivvintat, ix-xitan donnu irid jgħid? Ġesù, iżda, jerġa’ jwieġeb mill-ktieb tad-Dewteronomju (6:16). Waqt li Mosè jitlob lill-poplu jibqa’ fidil, Ġesù baqa’ fidil.

Il-kelma ‘tadurani’ tat-tielet tentazzjoni hi l-istess użata biex tiddeskrivi x’għamlu l-maġi ftit wara t-twelid ta’ Ġesù u x’għamlu l-appostli ftit qabel it-tlugħ tiegħu fis-sema. Ix-xitan hawn jitlob bidla fl-irwoli. Il-prezz li l-bniedem iħallas għall-poter hi li jadura lix-xitan, imma Ġesù jerġa’ jikkwota mill-ktieb tad-Dewteronomju.

Ġesù, tul din it-tiġriba, wera li hu l-iben t’Alla, u ġew l-anġli jaqduh.

Ġesù jirribatti bil-Kelma t’Alla, speċifikament minn kapitli 6-8 tad-Dewteronomju li jippreżentaw il-patt bejn Alla u l-poplu Lhudi, dwar kif Alla jġib ruħu magħhom u kif huma għandhom iġibu ruħhom m’Alla, huma u deħlin fl-art imwiegħda.

Il-poplu, għalhekk, hu xbieha ta’ Ġesù. Il-poplu ġarrab lil Alla, iżda mhux Ġesù. Ġesù hu tassew l-iben t’Alla u hu l-mudell ta’ kif nistgħu ngħixu t’ulied Alla. Dubji fuq l-identità ta’ Ġesù jkomplu sa fuq is-salib, iżda hu dejjem jegħlbu b’fedeltà u bil-Kelma t’Alla.

Għalhekk, quddiem din is-silta, konxju tas-saħħa tal-kelma t’Alla kontra x-xitan? Fit-tiġrib kif inġib ruħi? Nippersevera?

____

L-Evanġelju tal-Ewwel Ħadd tar-Randan (Mt 4:1-11)

F’dak iż-żmien, 1l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-xitan iġarrbu. U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ. U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż”. Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub: “Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek, u li fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”.

Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll: “Iġġarrabx lill-Mulej, Alla tiegħek”.

Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom, u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani”. Imbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub: “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi”.

Imbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.

Comments