Is-sena l-oħra s-Seminarju ħa deċiżjoni li s-seminaristi jibda jkollhom esperjenza pastorali fil-Parroċċi matul is-sena kollha. Sa ftit żmien ilu konna nkunu fil-Parroċċi matul is-sajf biss, iżda mis-sena li għaddiet bdejna mmorru fil-Parroċċi fil-weekends. Jiena kont assenjat fil-Parroċċa tal-Mosta. L-esperjenza tiegħi l-Mosta għinitni ħafna nkompli niskopri x’tip ta’ Saċerdot jiena msejjaħ li nkun. Il-kuntatt li kelli nhar ta’ Ħadd mat-tfal u adulti waqt is-Sunday School għinni napprezza ħafna aktar minn qabel il-valur tal-katekiżmu. Iddiskutejt temi li llum huma xi ftit jew wisq kontroversjali u dan kien mument speċjali ħafna għax rajt kemm fis-soċjetà għad hawn ħafna nies li jgħixu l-ħajja nisranija b’impenn, minkejja li xi kultant niltaqgħu ma’ kultura ta’ qtiegħ il-qalb. Matul dan is-sajf kelli wkoll esperjenza fl-Isptar Mount Carmel Ħ’ Attard. Kont inżur il-pażjenti u norganizza xi mumenti ta’ talb magħhom. Nistqarr li ma kienx mument faċli l-aktar minħabba l-komunikazzjoni magħhom, però stajt napprezza ħafna xi jfisser li tkun Saċerdot ta’ kulħadd! Nirringrazzja ħafna mill-qalb lil kull persuna li ltqajt magħha matul dan is-sajf li għadda għaliex kull okkazjoni u kuntatt li jkollna huwa mument speċjali ħafna u opportunità biex inwaslu bxara tajba lil xulxin!

Dan l-artiklu ġie ppubblikat għall-ewwel darba fil-fuljett Is-Seminarju (Diċembru 2019).

Comments