Il-bir ta’ Ġakobb hu diġà mit-Testment il-Qadim il-bir tal-għaqda: kien fejn il-bir, per eżempju, li Ġakobb iltaqa’ mal-mara futura tiegħu Rakel, kif naqraw fil-ktieb tal-Ġenesi, kapitlu 29. Barra minn hekk, għas-Samaritani li jġibu l-ilma mill-bir kienet għalihom bżonn imma wkoll u attività soċjali.
F’din is-silta naraw ukoll l-antagoniżmu tal-Lhud lejn is-Samaritani, għax tal-aħħar marru ‘l bogħod minn Alla. Fil-kuntest ta’ din il-laqgħa bejn Ġesù – Lhudi – u s-Samaritana fejn il-bir, għalhekk, Ġwanni jippreżenta lil Ġesu bħala sinjal t’għaqda.
Dil-mara, iżda, m’hijiex l-aktar rappreżentanta ovvja tas-Samaritani. Hi parti mir-raħal imma m’hijiex. Hi tagħżel li tmur kontra l-kultura ta’ żmienha, għax tmur timla’ l-ilma wara nofsinhar biex ma tiltaqax ma’ nies. Madankollu, hi tirrapreżenta xorta waħda poplu li jistenna l-Messija.
Sa vers ħmistax, il-mara titkellem tliet darbiet. Aktar kemm jgħaddi l-ħin aktar tinduna li Ġesù hu bniedem differenti, u ssir dejjem inqas ironika. Fil-bidu tkun sorpriża, bit-tieni mistoqsija tkun sarkastika, kważi kważi tgħaddi lil Ġesù biż-żmien, iżda bit-tielet tweġiba turi ironija pjuttost kurjuża.
L-ilma, is-simbolu tal-ħajja, isir simbolu tal-ilma ħaj li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem u għal ferħ veru. Is-Samaritana titħawwad, imma tħalli l-ġarra warajha. Il-ġarra ssir simbolu tal-passat, u kliemha, li qabel kien ironiku, issa jħeġġeġ għal-laqgħa personali ma’ Ġesu.
Fil-bidu, iżda, fis-Samaritana kien hemm għatx, għatx li nħossu aħna wkoll. Ninnutaw li s-Samaritana hi bla isem fis-silta, għax is-Samaritana hi aħna lkoll. Ix-xewqa tagħna wkoll hi, wara kollox, li dawk li jisimgħuna jfittxu li jiltaqgħu ma’ Ġesù.
Quddiem din is-silta, għalhekk, tajjeb li nistaqsu: minn fejn nimla’ l-ilma? Fejn immur naħrab? X’inhu l-vojt fil-ġarra tiegħi? Ma nibżgħux inressqu t-talba tagħna lil Ġesù, anke jekk hi talba vaga u vojta, għax kienet kif kienet it-talba tas-Samaritana, it-talba tagħna għad tintlaqa’ wkoll.
____
L-Evanġelju tat-Tielet Ħadd tar-Randan (Ġw 4, 5-42)
F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir. U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. Ġesù qalilha:”Agħtini nixrob”. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?”. Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: “Agħtini nixrob,” kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj”. Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?”. Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”. Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma”. Qalilha Ġesù: “Mur sejjaħ lil żewġek u erġa’ ejja hawn”. Weġbitu l-mara: “Ma għandix żewġi”. Qalilha Ġesù: “Sewwa għedt: “Ma għandix żewġi”. Inti żżewwiġt ħames darbiet, u r-raġel li għandek miegħek bħalissa m’huwiex żewġek. Sewwa weġibt!”. Qaltlu l-mara: “Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm”. Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità”. Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek”. Fil-ħin ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu jarawh jitkellem ma’ mara; iżda ħadd minnhom ma staqsieh: “Xi trid?” jew: “Għax qiegħed titkellem magħha?”. Il-mara ħalliet il-ġarra hemmhekk, reġgħet daħlet il-belt u qalet lin-nies: “Ejjew araw bniedem li qalli
kull ma għamilt. Tgħid, dan il-Messija?”. U n-nies ħarġu mill-belt u ġew ħdejh.
Sadattant id-dixxipli bdew jitolbuh u jgħidulu: “Rabbi, kul!”. Iżda hu qalilhom: “Jien għandi ikel x’niekol li intom ma tafux bih”. Id-dixxipli għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin: “Jaqaw ġie xi ħadd u ġieblu x’jiekol?”. Qalilhom Ġesù: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu. Intom ma tgħidux li baqa’ erba’ xhur oħra għall-ħsad? Imma araw x’ngħidilkom jien: erfgħu għajnejkom u ħarsu ftit kif l-għelieqi bjadu għall-ħsad! Ġa l-ħassad qiegħed jieħu ħlasu u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem, biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad. F’dan taraw kemm sewwa jingħad li wieħed jiżra’ u l-ieħor jaħsad. Jiena bgħattkom taħsdu dak li ma tħabattux għalih intom; kienu oħrajn li tħabtu, u intom dħaltu flokhom biex tgawdu l-frott tat-taħbit tagħhom”. Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara meta qaltilhom: “Qalli kull ma għamilt”, tant, li meta s-Samaritani ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”.