Lura għan-‘normalità’ (Ġw 11:3-45)

Lura għan-‘normalità’

Bla dubju ta’ xejn, anke qabel nidħlu għall-Evanġelju, il-liturġija ta’ dan il-Ħadd narawha relevanti ħafna għal dak li bħalissa għaddejja minnu d-dinja.

Fl-ewwel qari mill-ktieb tal-profeta Eżekjel, il-passaġġ jikkonkludi bl-interpretazzjoni ta’ viżjoni ta’ wied bl-għadam niexef li bil-mod il-mod jingħataw il-ħajja. Eżekjel qed jikteb dan kollu b’referenza għall-qagħda ta’ Iżrael li kien qiegħed fl-Eżilju tal-Babilonja. Il-ħajja mogħtija lil dawk l-għadam tissimbolizza r-ristorazzjoni ta’ Iżrael lejn artu wara li jispiċċa l-Eżilju. F’dan il-mument, id-dinja nistħajluha bħala dan l-għadam bħala poplu fl-eżilju li jixtieq li jerġa’ jmur lura lejn ‘daru’, lejn in-‘normalità’.

Fil-karba ta’ Marija u Marta “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut” fl-Evanġelju, insibu l-karba tagħna lkoll f’dawk il-mumenti li fihom inħossuna helpless quddiem tant tbatija, speċjalment it-tbatija li tmissna mill-qrib. Huma mistoqsijiet li jmissu lill-bniedem ta’ kull żmien – lejl mudlam li jidħlu fih anke l-aktar persuni li għandhom fidi. Hi mistoqsija li se nisimgħu lil Ġesù stess itenni fil-qari tal-Passjoni ftit ġranet oħra meta jdur lejn missieru u jgħidlu: Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

Fil-bidu ta’ dan ir-rakkont, Ġesù jidher qisu indifferenti għall-aħbar li waslitlu dwar Lazzru. Madanakollu, din l-attitudni tinbidel ħesrem meta r-rakkont jgħidilna li Ġesù beka. Dan il-vers tant qasir jurina li għalkemm fil-ħajja tagħna żgur jiġu mumenti fejn forsi niddubitaw il-viċinanza ta’ Ġesù, hu jaqsam it-tbatija magħna, jimxi magħna, jgħodd id-dmugħ tagħna. Mhux hekk biss, fl-aħħar nett lil din it-tbatija hu wkoll jifdiha.

Meta qajmu mill-mewt, Ġesù lil Lazzru tah rigal u responsabbiltà. Il-mewt ta’ Lazzru u r-rigal ta’ ħajja ġdida li tah Ġesù, nistgħu nqabbluhom mal-Magħmudija – li fiha aħna mittna għad-dnub tagħna u qomna mill-ġdid bħala wlied Alla. Tajjeb niftakru li flimkien mar-rakkont tas-Sammaritana u tar-raġel għama minn twelidu, dan ir-rakkont kien jintuża fil-katekeżi tal-katekumeni, qabel jirċievu l-Magħmudija dakinhar tal-lejl qaddis tal-Għid.

Bħal Lazzru, konxji mill-Magħmudija tagħna, aħna għandna nkunu xhieda ta’ Ġesù, Iben Alla l-Ħaj. Il-fatt li dan hu l-aħħar Vanġelu tal-Ħadd qabel nidħlu fil-Ġimgħa Mqaddsa hu sinifikanti ħafna għaliex il-qawmien ta’ Lazzru jagħtina togħma tal-ġrajja li kellha tibdel l-istorja tal-umanità, il-qawmien ta’ Ġesù minn bejn l-imwiet. Nistgħu nħarsu lejn Lazzru bħala Sagrament ta’ Kristu, personaġġ li fih naraw minn qabel dak li kellu jiġi mwettaq minn Kristu dakinhar tal-Għid il-Kbir.

Is-soltu, bħal daż-żmien insibuha xi ftit jew wisq diffiċli biex nidħlu fl-ispirtu veru tar-Randan – bil-lectures, xogħol u tant distrazzjonijiet. Din id-darba mhux biss aħna li nemmnu, imma n-nies tad-dinja kollha sibna ruħna f’Randan li hu tassew deżert għaliex itteħdulna dawk l-affarijiet kollha li forsi konna ggranfati magħhom. Madanakollu quddiem dan id-deżert li diversi qed jaraw fih ukoll il-mewt għandna opportunità unika li nuru u nwasslu lil Ġesù Kristu ħaj.  

____

L-Evanġelju tal-Ħames Ħadd tar-Randan (Ġw 11, 3-7.17.20-27.33b-45)

F’dak iż-żmien, ħut Lażżru bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”. Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”.

Meta wasal, Ġesù sab li Lażżru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!”. Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen ija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”. Weġbitu: “Iva Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.

Ġesù ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?” staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”. U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan il-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”.

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?”. Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.