Mument ta’ rivelazzjoni (Mt 21:1-11)

Mument ta’ rivelazzjoni (Mt 21, 1-11)

B’dan ir-rakkont nidħlu fil-Ġimgħa Mqaddsa. Il-ġimgħa li ġġib fi tmiemha l-ħajja ta’ Ġesù bil-mewt tiegħu imma li twassal għall-qawmien mill-mewt. Għad-dħul tiegħu fil-belt ta’ Ġerusalemm Ġesù jagħżel il-mument meta l-belt tkun miżgħuda bil-pellegrini li ta’ kull sena kienu jaslu fiha biex hemm jiċċelebraw l-Għid.

Ġesù jirkeb fuq il-ħmara biex jidħol fil-belt ta’ Ġerusalemm. Biex nifhmu aktar dan il-ġest ta’ Ġesù nirreferu għal passaġ fejn il-Profeta Żakkarija iħabbar lil Ġerusalemm li l-Magħżul ta’ Alla ġej biex isalva l-poplu (ara Żak 9, 9-10). Jgħin ukoll is-salm 118, salm ta’ radd il-ħajr tal-pellegrin li jasal Ġerusalemm u jidħol fit-tempju bl-għajta: “Ejja, nitolbuk, Mulej salvana! Ejja, nitolbuk, Mulej agħtina r-riżq! Mbierek minn ġej f’isem il-Mulej!” (vv 25, 26).

Ġesù jiġi milqugħ mill-folla miġbura bħalma jkun milqugħ sultan. Uħud firxu l-imnatar tagħhom u oħrajn bit-tixjir ta’ friegħi u bl-għajta meħuda mis-salm 118 “Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!” – Hekk kien milqugħ il-Kmandant Ġeħu minn sħabu meta ġie pproklamat sultan (2 Slat 9;13). Bl-istess mod kien milqugħ Xmun il-Makkabew meta daħal Ġerusalemm wara r-rebħa kbira li hu kien għamel (1 Mak 13;51)

In-nies li kienu preżenti infexxew jgħajtu “Hosanna!” – kelma li fl-oriġini tagħha tfisser “salvana issa!”. Tixhed il-karba għall-għajnuna li l-poplu maħkum mid-dwejjaq u l-jasar kien iressaq quddiem is-sultan biex ifittex isalvah u jeħilsu. Hija l-għajta tas-salmista fis-salm 118 “Ejja, nitolbuk, Mulej slavana!” (v.25).

Ġesù jidħol b’dan il-mod f’Ġerusalemm bi ħsieb. Huwa jinqeda b’dan il-ġest ta’ dħul solenni biex iwassal messaġġ lin-nies. B’xi mod jidher li l-folla ħadithu l-messaġġ għax għarfuh bħala “Bin David”, “il-Profeta Ġesù minn Nażaret  tal-Galilija”.   

Li jidħol riekeb fuq ħmara huwa indikazzjoni li dan hu s-Sultan li ġej mhux bil-qawwa bħal sultan ġej minn xi battalja, imma ġew b’atteġġjament ta’ umiltà. Ġesù juri lilu nnifsu bħala Sultan li jsaltan fil-qlub ta’ dawk li lesti jilqgħuh b’qalb sempliċi u umli kif għallem hu stess. Għalhekk Ġesù jagħżel dan il-mument biex ikellimna fuqu stess qabel ikun iġġlorifikat fuq is-Salib.

X’jgħallimna Ġesù dwaru stess? X’għandu x’jgħid lil?

  • Ġesù jersaq b’kuraġġ u b’determinazzjoni għal dan il-mument kruċjali. Minkejja li jaf li ser issib oppożizzjoni u ostilita’, din kienet is-siegħa l-kbira tiegħu: “Issa nħossni mħawwad. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa.” (Ġw 12; 27).

Kemm jien marbut mar-rieda ta’ Alla għalija?

  • Ġesù jiddikjara li hu sultan. Pero’ waqt il-proċess meta mistoqsi minn Pilatu: “Inti s-sultan tal-Lhud?” jgħid f’hiex tikkonsisti s-saltna tiegħu: “saltnati mhix ta’ din id-dinja…” (Ġw. 18; 33-37). Hija saltna mibnija fuq il-verità, il-ġustizzja, il-qdusija, is-sliem u fuq kollox l-imħabba.

Kemm qiegħed ninpenja ruħi biex din is-saltna ta’ Ġesù isseħħ fostna?

  • Ġesù jwassal messaġġ lil dawk li lesti jilqugħ tassew biex jissieħbu f’din is-saltna tiegħu billi jemmnu fil-Kelma tiegħu li hi l-verita’, is-sewwa u l-ħajja. Huwa s-sultan li jgħidilna: “… tgħallmu minni, għaliex jien ta’ b’qalb ħewa u umli” (Mt. 11;29). Dawk li lesti jimxu warajh jistenna minnhom li bħalu jkunu nies ta’ qalb ħelwa u umli.

 Kemm jien lest li niftaħ qalbi għal dan is-Sultan u nfittex li nsiru nixbhu?

____

L-Evanġelju fis-solennità tad-Daħla Solenni tal-Mulej f’Ġerusalemm (Mt 21, 1-11)

X’ħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe, lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Ġesù bagħat żewġ dixxipli u qallilhom: “Morru sar-raħal ta’ biswitkom, u minnufih issibu ħmara marbut u felu ħdejha; ħolluhom u ġibuhomli. Jekk xi ħadd jistaqsikom xi ħaġa weġbuh, ‘Il-Mulej jeħtieġhom, u malajr jerġa’ jibgħathom lura.” Dan ġara biex iseħħ dak li kien intqal permezz tal-profeta, meta qal, ‘Għidu lil bint Sijon: Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija.’

Id-dixxipli marru u għamlu kif ordnalhom Ġesù: ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar, u hu qagħad fuqhom. Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq.

Il-folla li kienet miexja quddiem, kif ukoll dawk li kienu miexja wara, bdew igħajtu u jgħidu: “Hosanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”

Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet. “Dan min hu?” bdew jgħidu. U l-folol weġbuhom: “Dan hu l-Profeta Ġesù minn Nażaret tal-Galilija.”