L-Evanġelju t’għada jfakkarni f’dak li kiteb Benedittu XVI dwar meta t-Tradizzjoni tal-Knisja titkellem fuq “sober inebriation caused in us by the Holy Spirit.” Bil-Malti naħseb nistgħu naqilbuha għal ‘ferħ sobriju kkawżat fina mill-Ispirtu s-Santu,’ li naħseb tirrifletti ħafna din is-silta.

“Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej” (20:20). Il-ferħ tagħhom ma kienx ferħ ta’ grupp ta’ nies li raw lil xi ħadd li ħasbu li mhux se jarawh aktar u, kif ngħidu bil-Malti, għaddielhom malajr, iżda kien ferħ li wassal lil ħafna minnhom biex jagħtu ħajjithom għal dak li raw u li issa ltaqgħu miegħu b’mod ġdid. L-istess dwar il-kmand ta’ Ġesù (20:23). Il-maħfra tad-dnubiet mhijiex biss sensiela ta’ penitenzi li jridu jsiru, imma grazzja li jeħtieġ li tingħax, bil-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.

Ferħ mingħajr sobrjetà hu nuqqas ta’ moderazzjoni, nuqqas ta’ razzjonalità, li jista’ jagħmilna pjuttost balali.  Sobrjetà mingħajr ferħ hu dwejjaq, riġidità, li tista’ tagħmilna pjuttost aridi. Il-Knisja, iżda, tpoġġina f’perspettiva akbar: minħabba li, kif jikteb Dun Karm, “tan-niket il-hena,” il-ferħ tan-nisrani mhuwiex ferħ tal-mument, inizzjattiva spontanja t’ewforija, u li mbagħad malajr jgħaddi kollox u qisu ma ġara xejn. Forsi s-sejħa tan-nisrani – jekk inħallu lill-Ispirtu s-Santu jaħdem fina – hi li ngħixu u naqsmu l-ferħ mal-oħrajn, kemm jista’ jkun dejjem u kullimkien, għax anke fil-mumenti l-aktar diffiċli niftakru fis-sliem ta’ Ġesù magħna.
____

L-Evanġelju tas-Solennità tal-Għid il-Ħamsin (Ġw 20:19-23) 

Dak il-Ħadd fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Comments