Għajnuna vera (Ġw 10:1-10)

Għajnuna vera (Ġw 10, 1-10)

Fl-Evanġelju ta’ nhar il-Ħadd li ġej hemm żewġ xbihat: ir-ragħaj u l-bieb. Dan il-qari nsibuh bejn żewġ sinjali kbar li għamel Ġesù: il-fejqan tal-għama mit-twelid u l-qawmien ta’ Lazzru, imma hu marbut b’mod partikulari mal-ewwel sinjal. Il-ġrajja sseħħ madwar xagħrejn wara l-fejqan tal-għama, fil-fatt, fit-tempju, dakinhar li l-Lhud jerġgħu jinġabru biex jiċċelebraw il-konsegrazzjoni tat-tempju.

Bħalma naqraw fiż-żewġ episodji l-oħra, Ġesù ma jaġixxix kif jaġixxu l-fariżej. Ġesù hu ragħaj li mhux tas-soltu. Ir-rgħajja normalment jimxu wara l-merħla, imma hawn hu jimxi qabel il-merħla. Ma nistagħġbux b’dan, għax għalkemm hu bagħatna qalb l-ilpup, hu ma jitlob xejn minna li m’għamilx hu. Inżommu f’moħħna Ġeremija 23 u Eżekjel 34 fejn ħażin għalihom dawk ir-rgħajja t’Iżrael li jirgħu biss lilhom infushom u mhux lill-merħla tagħhom, li jippreferu l-kumdità mis-servizz.

F’din is-silta naqra kif ix-xbieha ta’ ragħaj Ġesù ma japplikahiex immedjatament għalih innifsu; hu f’vers ħdax, il-vers immedjatament wara l-passaġġ tal-Evanġelju tal-Ħadd li ġej, li Ġesù japplikaha għalih nnifsu. Hawn japplika għalih innifsu x-xbieha tal-Bieb. Iżda l-ixbihat tar-ragħaj u tal-Bieb huma marbutin flimkien: ir-ragħaj stess jagħlaq il-fetħa tal-maqjel fejn m’hemmx xatba, u ħadd ma jista’ jgħaddi għan-nagħaġ jekk mhux minn fuqu. Dan għamel hu u dan jitlob minna, magħqudin miegħu. Ġesù jestedinna nitwaħħdu miehħu billi ngħaddu mill-Bieb li huwa hu.

Fid-dawl tal-Evanġelju tal-Ħadd li għadda, dan il-Bieb hu l-Iskrittura. U li naqdu jfisser li noffru mhux il-kelma tagħna imma l-Kelma tiegħu; mhux li nfittxu l-glorja tagħna imma l-glorja t’Alla. Aħna qaddejja tal-Bieb li huwa l-Kelma t’Alla, il-Mulej Ġesù. Min jgħaddi minn dan il-Bieb, għemilu jkun fid-dawl.

Iżda kif nibqgħu fid-dawl? Kif nistgħu nkunu fid-dinja imma ma mhux tad-dinja? Kif inkunu konsistenti bejn dak li ngħidu u dak li nagħmlu? L-għixien tal-Evanġelju jrid ikun fil-ħajja ta’ kuljum. Irridu noħorġu bil-protezzjoni tal-Kelma t’Alla f’qalbna, li nkunu u nibqgħu ma’ Ġesù hu u jibgħatna. Hu li jaf x’jiġifieri, u jimxi magħna. Faċli nisimgħu lil Kristu u nfaħħruh, imma li nżommu sħiħ sal-aħħar hu biss għal dawk li jisimgħu u jibqgħu jisimgħu leħen ir-ragħaj (Santu Wistin). Nitolbu, għalhekk, li nkun fidili sal-aħħar.

Minkejja l-konfużjoni f’qalbna, hemm xi ħaġa f’qalbna li dejjem tintlaqat mill-Kelma t’Alla. Ġesù bosta drabi ma jinftiehemx; aħna wkoll lil Ġesù ma nifhmuhx. Għalhekk il-bżonn li nitolbu biex nifhmuh, biex jgħinna nħallu l-Kelma tiegħu tinżel fil-fond ta’ qalbna. Hu biss meta nitkellmu mill-Kelma tiegħu – u mhux tagħna – li nistgħu nolqtu lill-qlub ta’ madwarna, li nkunu t’għajnuna vera lill-oħrajn.

L-istrateġiji, il-pjanijiet, l-istudji, il-kreattività, it-teknoloġija; dawn kollha tajbin, imma nagħrfu s-sinifikat tal-Bieb. Jekk ngħaddu minn dan il-Bieb, ikollna l-ħajja, u l-ħajja bil-kotra – kif naraw fl-inbid f’Kana u fil-ħobż fil-miraklu tat-tkattir. Nitolbu, għalhekk, li negħlbu t-tentazzjoni li nfittxu ħajja li m’hijiex tiegħu.

____

L-Evanġelju tar-raba’ Ħadd tal-Għid (Ġw 10, 1-10)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.

Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.

Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha.Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.